Lokali

Il-facebook ta’ Tony Zarb jingħalaq wara kummenti ta’ mibegħda

Wara diversi rapporti li waslu għand id-direzzjoni ta’ Fcebook, l-account tal-eks-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ingħalaq.

Ir-raġuni li ngħatat kienet li l-mod kif qed juża dan is-servizz Tony Zarb, bi kliem li jinċita mibegħda u aggressjoni kontra membri parlamentari Maltin fil-Parlament Ewropew, imorru kontra l-ispirtu li għalih inħoloq dan is-servizz modern ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fost id-diskors insolenti li beda jpoġġi fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Tony Zarb għajjar ripetutament lill-membri parlamentari Ewropej David Casa u Roberta Metsola ‘ġakbini u tradituri’. Hu wkoll xewwex lin-nies billi qalilhom biex “meta taraw lil Casa u Mezzola (kif kitibha hu) fit-triq ftakru li dawn tradituri ta’ Malta.”

Zarb esprima x-xewqa tiegħu wkoll li jiltaqa’ ma’ Casa u Metsola biex jgħidilhom f’wiċċhom li huma tradituri u ġakbini ta’ Malta. Jgħid li dawn huma persuni ‘non grati’ għall-poplu u li meta jaslu Malta “ħaqqhom ikollhom laqgħa ta’ tradituri.”

F’messaġġ qasir ta’ tweġiba li kienet tat lil Tony Zarb, l-MEP Roberta Metsola qalet li wasal iż-żmien li Tony Zarb jifhem li l-kampanja ta’ mibegħda tiegħu fuq l-internet, u l-attentati ddisprati biex jingħata widen, posthom hu fil-firda tal-passat. “Aħna dmirna nkomplu nagħmluh. Dejjem u kullimkien,” kitbet Roberta Metsola.

L-attakki bi kliem ta’ mibegħda minn Tony Zarb ġabu l-kundanna ta’ bosta, fosthom l-Arċisqof Charles J. Scicluna. Madankollu l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ ma għadda l-ebda kumment dwar dawn l-attakki.

It-theddid ta’ Tony Zarb kien estiż saħansitra lejn iċ-Chairman tal-Kumitat PANA Werner Langen, li ddeskrivieh bħala “satellita mixtri mill-Partit Nazzjonalista” waqt li għajru “buffu.”

Sadanittant b’reazzjoni għall-għeluq tal-account tiegħu ta’ Facebook, Tony Zarb ħareġ stqarrija li fiha attribwixxa l-azzjoni ta’ Facebook bħala “attentat li ġej minn dawk li qed jiddejqu ħafna għax jien qed niddefendi lil pajjiżi.”

Tony Zarb kompla li din l-azzjoni saret għax “jidher biċ-ċar li hawn min qed jiddejjaq ħafna għall-fatt li ma’ kull ġurnata li tgħaddi aktar nies qed isegwu l-messaġġi tiegħi.”

Tony Zarb skuża ruħu mas-segwaċi tiegħu u wiegħed li se jagħmel dak kollu possibbli biex il-kuntatt tiegħu magħhom jibqa’ għaddej.