Lokali

Il-Kunsillieri Laburisti f’San Ġiljan ma jimpurtahomx mill-interessi tar-residenti

L-uniku skop tal-Kunsillieri tal-Partit Laburista f’San Ġiljan mhuwiex l-interess tar-residenti Ġiljaniżi, iżda l-interess personali u li jagħmlu xkiel għall-ħidma tal-Kunsill.

Dan qaluh il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan wara li din il-ġimgħa, għat-tielet darba fl-aħħar sena, il-Kunsilliera Laburisti telqu ‘l barra mil-laqgħa appena ndunaw li tilfu l-argument waqt id-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin fil-laqgħat.

Fil-każ ta’ din il-ġimgħa, id-diskussjoni trattat l-ispejjeż ta’tindif wara l-Festa ta’ San Patrizju, li nżammet f’Marzu li għadda.

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista spjegaw li d-Dipartiment tal-Gvern Lokali, li għamel ix-xogħol ta’ tindif ftit sigħat biss wara li ġew fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet, ħa 3,300 ewro mill-fondi tal-Kunsill Lokali biex jagħmel tajjeb għax-xogħol ta’ tindif.

Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali ried jiġbor 100 ewro mis-sidien tan-negozji fiż-żona, bil-flus jintużaw ħalli jagħmlu tajjeb għal parti żgħira mill-ispiża mgħoddija lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Madankollu, kompliet l-istqarrija, il-Kunsillieri Laburisti għażlu li joħorġu stqarrijiet b’dikjarazzjonijiet mhux veritieri, fosthom li ntuża’ kliem dispreġġjattiv.

Iżda fil-verità, kien hemm diskussjoni mqanqla, bis-Sindku kien qed jispjega kif fil-Minuti tal-laqgħa ta’ qabel u li kienu għadhom ma ġewx approvati, qatt ma kien ġie deċiż li s-somma li tħallset mis-sidien tal-ħwienet tingħata lura.

Kien f’dan il-mument li l-Kunsillieri Laburisti qabdu u telqu ‘l barra mil-laqgħa. Għaldaqstant, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista mhux se jħallu lil min ikompli jwaqqafhom milli jaġixxu u jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet fl-interess tal-Ġiljaniżi.

Min irid ikompli jxerred il-firda u ma jaġixxix fl-interess tal-lokalità, postu mhux fil-Kunsill Lokali, temmet tgħid l-istqarrija.

Sadanittant, fi tweġiba skont il-Liġi tal-Istampa, il-Kunsilliera Laburisti qalu li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista “irnexxielhom jibnu alibi fjakk ħafna biex iqarrqu lill-qarrejja”.

Huma sostnew li dak li ġara fl-aħħar laqgħa u “inaċċettabbli u sintomu ta’ djgħufija fil-ħsieb, fil-mod ta’ tmexxija fqira u f’nuqqas ta’ għaqda li qed imexxi biha s-Sindku Guido Dalli”. L-allegazzjonijiet li saru mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista huma “bla bażi u qarrieqa”.

Il-Kunsilliera Laburisti sostnew li s-Sindku pprova jreġġa’ lura waħdu “deċiżjoni li l-Kunsill kollettivament iddeċieda li l-flus li ngħataw bħala garanzija mill-istabbilimenti jiġu mogħtija lura jekk il-kundizzjonijiet tal-ftehim jiġu rispettati”.

Qalu li “l-kundizzjonijiet kienu li dawn il-flus jingħataw lura jekk l-istabbilimenti jnaddfu ż-żona tagħhom wara l-attività ta’ San Patrizju. Jikkonferma dan, rapport għand id-Direttur tal-Gvern Lokali, li kkonferma li effettivament it-tindif kien sar mis-sidien tal-istabbilimenti”.