Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Prinċep Harry jgħid li ħadd mill-familja ma jrid imexxi lill-monarkija

 

Il-Prinċep Harry tal-Ingilterra qal li l-ebda membru tal-Familja Rjali ma jrid jassumi t-tmexxija tal-monarkija wara r-Reġina Eliżabetta.

Meta tkellem waqt intervista lill-ġurnal Newsweek, Harry qal li ‘ma jaħsibx li xi ħadd fil-familja jrid jilħaq Re jew Reġina’, iżda fl-istess ħin insista li ‘hu u qrabatu se jaqdu d-doveri tagħhom fil-ħin opportun’.

Waqt l-intervista, Harry indika li għad għandu sens ta’ rabja dwar ‘id-direttivi li kienu tawh’ waqt il-funeral ta’ ommu, il-Prinċipessa Diana, li mietet fis-sajf tal-1997.

Harry, li dak iż-żmien kien għad għandu 12-il sena, irrakkonta li ‘ommu kienet għadha kemm mietet u li hu kellu jimxi għal ħafna ħin wara t-tebut tagħha, fejn kien imdawwar minn eluf ta’ nies li assistew għall-avveniment anki waqt li miljuni oħra kienu qed isegwu l-funeral fuq il-mezzi tax-xandir’.

Il-Prinċep, f’dan il-punt, sostna li ‘ma jaħsibx li kwalunkwe tfajjel għandu jkun mitlub li jgħaddi minn esperjenza bħal din, irrispettivament miċ-ċirkustanzi’. Hu, fl-istess ħin, jemmen li dawn l-affarijiet, illum , waqfu milli jsiru.

Il-Prinċep Harry żvela li, f’April, kien mar ifittex l-għajnuna wara li kien ‘żamm l-emozzjonijiet tiegħu ġewwa’ wara l-mewt ta’ ommu, li rriżultat minn inċident tat-traffiku taħt mina fil-belt ta’ Pariġi.

Meta tkellem dwar il-memorja u l-‘wirt’ li ħalliet warajha ommu, Harry qal li ‘hu għandu s-sens ta’ dak li hi xtaqitu li jagħmel u li hu qed jimxi fuq ix-xewqa tagħha li jmexxi x-xogħol u l-inizjattivi li hi ma setgħetx tikkonkludi’.

Fl-aħħar kummenti dwar il-monarkija, Harry qal li din ( il-monarkija) isservi bħala xprun għal ħafna ġid u li hu u ħuh, il-Prinċep William, iridu jkomplu jibnu fuq il-pożittiv tar-Reġina tul l-aħħar 60 sena ‘anki jekk huma mhumiex se jippruvaw jieħdulha postha’.

Il-Prinċep ikkonkluda li hu u William huma involuti fl-immodernizzar tal-monarkija Britannika u li dan mhux qed isir ‘għalihom’, iżda ‘fl-interessi tal-poplu’.