Wara li l-ġimgħa l-oħra ntlaħaq ftehim għal trasferiment, illum Valletta ħabbru uffiċjalment l-akkwist tal-gowlkiper Henry Bonello mingħand Birkirkara. Għal Bonello dan se jkun ritorn wara li għal staġun u nofs libes il-flokk Belti. Hu kien pedina importanti fir-rebħ tat-23 kampjonat ta’ Valletta fl-istaġun 2015/2016, u wara bidu tajjeb fl-istaġun li għadda, tilef postu għas-spejjeż ta’ Dziugas Bartkus wara li kien tkeċċa fil-logħba kontra Gżira.
Dan hu t-tielet akkwist b’mod uffiċjali ta’ Valletta hekk kif diġà kisbu s-servizzi ta’ Kyrian Nwoko mingħand St. Andrews u d-difensur laterali Joseph Zerafa mingħand Birkirkara. It-tliet plejers jinsabu mal-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Zoran Popovic li qed tħejji għaż-żewġ partiti mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni kontra t-tim minn San Marino Folgore. Henry Bonello ffirma kuntratt ta’ ħames snin.
//= $special ?>