Il-President Amerikan, Donald Trump, qal lis-sostenituri li l-ħajt propost tiegħu għal mal-fruntiera tal-Messiku jista’ jkollu l-panelli solari mwaħħlin miegħu.
Meta tkellem f’Iowa, Trump qal li l-panelli għandhom jipprovdu l-enerġija rħisa ‘waqt li jgħinu bil-finanzjament’ tal-ħajt kontroversjali.
Hu, fl-istess ħin, ftaħar b’dan il-pjan li qal li ġej ‘mill-frott tal-immaġinazzjoni tiegħu’.
Madankollu, il-panelli solari kienu inklużi ‘diġà’ fid-disinji għall-ħajt li kienu sottomettew il-kumpaniji.
Matul il-kampanja li mexxa qabel il-vot ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Donald Trump wiegħed li jibni ħajt tul il-fruntiera tal-Messiku biex iwaqqaf l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tad-droga.
Hu insista li se jġiegħel lill-Messiku iħallas għal dan il-ħajt, iżda l-President Messikan, Enrique Pena Neto, ċaħad b’mod kategoriku li lest biex jiffinanzja l-pjani ta’ Trump.
Il-President Amerikan, sadattant, informa lill-partitarji tiegħu preżenti għal rally f’Cedar Rapids li hu ‘kien qed jippreżenta idea li ħadd ma kien sama’ biha qabel’ u li din għandha tkun ‘ħajt solari li żżid l-enerġija u tiġġenera l-finanzi, bil-għan li l-Messiku jħallas anqas flus fuq il-kostruzzjoni tiegħu’.
Jaħsbu li aktar minn 200 kumpanija wieġbu għall-istedina mid-Dipartiment għas-Sigurtà Interna biex jissottomettu d-disinji għall-ħajt mal-Messiku. Disinn partikulari tressaq minn kumpanija bbażata f’Las Vegas u li jibbaża fuq ħajt magħmul mis-siment, l-azzar u l-panelli solari.
F’April li għadda, l-istampa Amerikana rrappurtat li Trump kien iddiskuta l-idea tal-ħajt ‘fuq dak il-kunċett’ flimkien mal-Mexxejja Repubblikani tal-Kungress, fil-White House.
//= $special ?>