Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Alessia Psaila Zammit assumiet b’mod uffiċjali r-responsabilitajiet bħala Sindku tas-Siġġiewi, f’laqgħa speċjali tal-Kunsill. B’hekk, Psaila Zammit saret l-ewwel sindku mara tas-Siġġiewi minn mindu dawn twaqqfu.
Dan wara li Karol Aquilina rriżenja mill-kariga wara li kien elett fil-Parlament fil-by-elections mill-għaxar distrett. Fl-istess laqgħa, il-Kunsillier Julian Borg assuma r-responsabiltajiet bħala Viċi-Sindku tal-lokalità.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill, fl-ewwel kummenti tagħha bħala Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li tilqa’ b’responsabbiltà dan l-inkarigu U tħares ‘il quddiem b’enerġija biex tkompli tibni fuq dak li nbena mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Kunsill Lokali li skont Psaila Zammit huwa kunsill effettiv.
Ma setax jonqos li waqt l-istess laqgħa tkellem ukoll l-eks Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, li ppreżenta l-ittra tiegħu ta’ riżenja lill-Kunsill. Karol Aquilina qal li ilu snin twal fil-Kunsill Lokali fejn minkejja l-kontroversji li jinqalgħu minn żmien għal żmien, dejjem poġġa l-interess tal-lokalità l-ewwel.
Żied jgħid li minkejja li se jkun qed iservi rwol ġdid fil-Parlament, xorta se jibqa’ jkun għad-dispożizzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi f’dak kollu li jista’ jkollu bżonn.
Issa jmiss li ssir by-election fost il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni lokali tas-Siġġiewi biex jimtela’ l-post battal minn Karol Aquilina. Dettalji dwar din l-elezzjoni għad iridu jitħabbru ‘l quddiem.
Intant, fi tweet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil awgura lis-Sindku l-ġdid tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit.
//= $special ?>Prosit ferm u awguri lis-Sindku gdida tas-Siggiewi @PsailaZammit. @PNmalta https://t.co/5FNvUIurke
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) June 22, 2017