Wieħed mill-kapijiet tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien qal li seta’ kien hemm ‘l-id ta’ kriminal’ wara l-aħħar nirien qattiela qalb foresta li nfirxu tul iz-zoni ċentrali tal-Portugall.
L-awtoritajiet jemmnu li l-inċidenza tal-beraq li ssemmiet bħala l-kaġun tan-nirien, fil-fatt, kellha sseħħ proprju sagħtejn wara li kienu feġġew l-ewwel nirien li qatlu 64 persuna tul medda ta’ ġranet. In-nirien ħallew ukoll ‘il fuq minn 200 midruba.
Sadanittant, qed jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar ir-reazzjoni tal-awtoritajiet għall-emerġenza tan-nirien, kif ukoll dwar ‘kemm il-pajjiż kien lest għal kriżi fuq dan il-livell’.
Ħafna nies li mietu b’kaġun tan-nirien kienu qed jippruvaw jaħarbu minn triq prinċipali partikulari – l-N236 – li skont il-kelliema lokali ‘suppost li kien ingħalaq mill-awtoritajiet fl-interessi tas-sigurtà’.
L-agħar nirien qalb foresta fl-istorja tal-Portugall kienu bdew nhar is-Sibt fl-inħawi ta’ Pedrogao Grande. Intant, xi awtoritajiet huma konvinti li l-beraq dovut għal maltempata ‘kien seħħ ħafna wara li qabdu l-ewwel nirien li mal-ewwel dehru li kienu enormi’. L-awtoritajiet jemmnu wkoll li n-nirien tqabbdu apposta u qegħdin isejħu għal ‘studju li jibbaża fuq ix-xjenza’ ħalli jippruvaw jaslu għall-verità.
//= $special ?>

