Lokali Unjoni Ewropea

Simon Busuttil jattendi għas-summit tal-PPE fi Brussell

Il-Mexxejja Ewropej li jiffurmaw parti mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) illum iltaqgħu fi Brussell qabel is-Summit tal-Mexxejja Ewropej, li beda jiltaqa’ aktar tard fi Brussell ukoll.

Bit-tħejjija għas-Summit, il-Mexxejja tal-PPE trattaw il-possibbiltajiet kollha li l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha fir-relazzjoni mar-Renju Unit wara l-vot tal-Ingliżi biex il-pajjiż joħroġ mill-grupp ta’ pajjiżi.

Fost il-Mexxejja tal-PPE, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, mal-mejda flimkien ma’ Mexxejja oħrajn, fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy.

Preżenti wkoll il-President tal-PPE Joseph Daul u ċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.

Matul il-laqgħa, kien hemm diversi ideat differenti dwar ir-relazzjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tadotta mar-Renju Unit, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil isostni li matul laqgħat bħal dawn, hu jara li jkunu protetti l-interessi ta’ pajjiżna.