Lokali

FILMAT: L-għajta tal-bandu tal-Imnarja fit-toroq tal-Belt Valletta

Il-festa tal-Imnarja fid-29 ta’ Ġunju hi ġurnata fil-qlub ta’ bosta Maltin u Għawdxin – u t-tradizzjoni hi li ta’ kull sena jitħabbru l-attivitajiet li se jiġu mtella lejliet u anke fil-ġurnata tal-festa tal-Imnarja.

Din it-tradizzjoni ġibdet l-attenzjoni ta’ numru kbir ta’ nies fit-toroq tal-Belt Valletta, dan hekk kif inqara l-bandu man-numru kbir ta’ slaleb tat-toroq li jinsabu fil-Belt Valletta – prinċipalment matul Triq ir-Repubblika.

Ta’ kull sena grupp ta’ atturi jilbsu l-ilbies tradizzjonali tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, u waqt li mmarċjaw tul it-triq kollha, daqqew it-tnabar, trumbetti u għal diversi drabi nqara l-bandu.

L-iskop ta’ din l-attivita’ fiż-żmien kien li l-awtoritajiet li kienu jmexxu lill-pajjiżna fl-antik, kienu jinżlu fit-toroq u jħabbru mat-toroq prinċipali Maltin jaqraw il-programm tal-attivitajiet għall-festa tal-Imnarja, dan sabiex iħeġġeġ lin-nies jattendu f’dawn il-jiem ta’ festa. Fost l-oħrajn, tradizzjoni li għadha ħajja sal-llum il-ġurnata huma t-tiġrijiet taż-żwiemel li jiġu organizzati – u għaldaqstant jinqraw numru ta’ regoli li l-parteċipanti jridu jobdu biex jieħdu sehem.