Kultura Lokali

Il-misteri u stejjer tal-waħx fiċ-Ċittadella

Il-misteru tal-għoġol tad-deheb u l-qtil tan-negozjant tal-qoton bid-daqqiet tal-frosta, id-disprament ta’ Bernardo De Opuo li kellu joqtol lil martu u liż-żewġt ibniet uliedu biex ma jaqgħux ilsiera tal-Ottomani, u l-kundizzjonijiet diffiċli li għadda minnhom Jean Parisot de Valette fil-ħabs l-antik tal-Gran Castello huma fost il-ftit stejjer li se jkunu animati waqt l-attivitá, ‘Dark Tales of the Citadel’.

Wara l-interess qawwi li ntwera fis-sensiela ‘Dark Tales’, Heritage Malta se torganizza attivitá oħra simili bbażata fuq misteri, leġġendi u stejjer sopranaturali marbuta maċ-Ċittadella. Minbarra li hija ġawhra fl-istorja kulturali Għawdxija, iċ-Ċittadella għandha ħafna misteri, leġġendi u stejjer tal-waħx marbuta mal-istorja twila ta’ din il-belt fortifikata.

L-attivitá ‘Dark Tales of the Citadel’ tinkludi tour bi gwida minn żewġ storiċi, Dr George Azzopardi u Godwin Vella, li se jkun animat minn numru ta’ atturi stabbiliti. Din l-attivitá se ssir nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u tibda fit-8.00 ta’ filgħaxija. Wara se jkun hemm riċeviment żgħir għall-parteċipanti fuq waħda mit-terrazzini li jħarsu fuq il-belt Victoria.

L-attivitá se tkun miftuħa għal numru limitat ta’ persuni u dawk li se jattendu jridu jkunu minn 16-il sena ‘l fuq.

Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 23954242 jew 23954200 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.