Lokali

Il-Presidenza Maltija tal-UE tirrifjuta li tikkopera mal-Kumitat PANA

Malta ma tonorax ripetutament stediniet tal-Kumitat

Komunikat tal-ogħla uffiċjali tal-Kumitat PANA tal-Unjoni Ewropea maħruġ nhar l-Erbgħa filgħaxija, waqt li sejjaħ lill-Kunsill tal-Ministri biex ikun aktar trasparenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa, qal li l-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea ilha tiċħad kategorikament għal dawn l-aħħar sitt xhur stediniet li sarulha dwar dawn l-issues mill-Kumitat. Dan kien żvelat fil-ġurnal in-Nazzjon illum.

Il-komunikat jgħid li Malta hi wieħed minn tliet membri biss li ma weġbux kwestjonarju li ntbagħat minn Werner Langen, iċ-Chairman tal-Kumitat, lill-Ministri tal-Finanzi u l-Ġustizzja.

Iż-żewġ pajjiżi l-oħra li, bħal Malta, ma weġbux, huma l-Ungerija u d-Danimarka. B’hekk 25 mit-28 stat membru wieġbu l-kwestjonarju, waqt li tlieta, wieħed minnhom Malta, irrifjutaw li jagħmlu dan.

Il-Kumitat PANA twaqqaf sena ilu biex jinvestiga dak li jirriżulta mill-Panama Papers u biex jara jekk kienx hemm ksur jew amministrazzjoni ħażina tal-liġi Ewropea, b’mod speċjali d-Direttiva ta’ kontra l-ħasil tal-flus, id-Direttiva ta’ koperazzjoni amministrattiva, u l-prinċipju fit-Trattat Ewropew ta’ Koperazzjoni Sinċiera.

Matul din is-sena l-Kumitat PANA organizza ’l fuq minn 25 smigħ pubbliku, żjarat f’diversi pajjiżi u sema’ aktar minn 150 politiku, prosekuturi, investigaturi, ġurnalisti, avukati, bankiera, accountants u rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi.

Il-Kumitat jilmenta li talbiet li saru mill-Parlament Ewropew biex ikollu iktar poteri ltaqgħu ma’ oppożizzjoni kemm mill-Kunsill tal-Ministri kif ukoll mill-Kummissjoni.

“Minkejja li aħna bħala Kumitat ma nistgħux inġiegħlu għaqdiet jew nies biex jikkoperaw, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li stedinna aċċettaw l-invit tagħna. Barra li tkellimna ma’ stati membri, ħafna mill-parteċipanti tawna wkoll tweġibiet bil-miktub għal mistoqsijiet li għamilnielhom bil-quddiem,” żied il-komunikat.

“Pereżempju, 25 mit-28 pajjiż imsieħeb, wieġbu kwestjonarju dettaljat li ntbagħat minn Dr Werner Langen, iċ-Chairman tal-Kumitat PANA, lill-Ministri tal-Finanzi u l-Ġustizzja. Huma biss Malta, l-Ungerija u d-Danimarka li s’issa għadhom ma weġbux.”

Il-Kumitat ilmenta li r-rwol tal-Kunsill tal-Ministri f’dan kollu kien diżappuntanti. Sa mit-twaqqif tal-Kumitat PANA, il-Kunsill tal-Ministri mhux talli ma kkoperax talli kkontesta d-dritt tiegħu li jmexxi inkjesta u anki l-istess mandat tiegħu.

Il-Kunsill irrifjuta li jipprovdi lill-Parlament Ewropew dokumenti importanti minkejja talbiet ripetuti. Qed iżomm ukoll lill-Kummissjoni Ewropea milli tagħti dokumenti lill-membri u f’każ fejn ingħataw xi dokumenti, dawn kienu ċensurati bl-ikrah billi partijiet sostanzjali kienu mgħottija bl-iswed.

“F’dawn l-aħħar sitt xhur, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew irrifjutat kategorikament stediniet li għamilnielha bl-argument li m’għandha l-ebda rwol b’relazzjoni mal-mandat tal-Kumitat. Irridu ninnutaw li Malta hi wieħed mit-tliet pajjiżi li għadhom ma bagħtux kwestjonarju tagħna li suppost kellhom jintbagħtu sa nofs Jannar li għadda.”

Il-komunikat jgħid li din l-attitudni xejn trasparenti min-naħa ta’ istituzzjoni Ewropea oħra, tħalli lill-Kumitat PANA fid-dlam għaliex sal-lum iċ-ċittadini Ewropej m’għandhom l-ebda possibbiltà li jkunu jafu l-pożizzjoni tal-pajjiżi membri, inkluż dik tal-pajjiż tagħhom, dwar suġġetti importanti bħalma huma l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.

Il-komunikat itemm hekk: “Fiż-żmien fejn iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu li jkunu infurmati b’deċiżjonijiet li jolqtuhom daqshekk direttament, aħna nsejħu lill-Kunsill tal-Ministri għal trasparenza akbar, li jibdel il-pożizzjoni tiegħu u jaħdem spalla ma’ spalla mal-Parlament Ewropew biex jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Iċ-ċittadini jistennew dan mingħandna, u l-Kunsilll m’għandux jittieħed ostaġġ minn grupp żgħir ta’ pajjiżi membri li m’għandhom l-ebda interess li jkunu trasparenti.

Il-komunikat hu ffirmat minn Werner Langen (Partit Popolari Ewropew), iċ-Chairman tal-Kumitat PANA, mill-Viċi Presidenti Ana Gomes (Soċjalisti), Pirkko Ruohonen-Lerner (Konservattivi Ewropej), Fabio de Masi (Xellug), u Eva Joly (Ħodor), u mill-co-rapporteurs Jeppe Kofod (Soċjalisti) u Petr Ježek (Liberali).