Lokali

Imut iż-żagħżugħ li ġimgħa ilu waqa’ sular fil-bajja ta’ Spinola

L-Olandiż miet ġimgħa wara li seħħ l-inċident f'San Ġiljan

Miet iż-żagħżugħ Olandiż ta’ 25 sena li ġimgħa ilu spiċċa l-Isptar wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular fil-bajja ta’ Spinola f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ fis-16 ta’ Ġunju għall-ħabta tas-6am meta ż-żagħżugħ li kien ma sħabu, serraħ mal-ħadid u waqa’ mill-bankina għal taħt fiż-żona fejn ikun hemm id-dgħajes. Sfortunatament hu l-ewwel ħabat rasu ma’ bank imbagħad mal-art fejn instab f’għadira kbira demm.

Fuq il-post immedjatament waslet ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ħadet liż-żagħżugħ għall-kura. Madankollu, u minkejja attenzjoni medika kontinwa, iż-żagħżugħ laħaq tilef wisq demm sakemm ilbieraħ filgħaxija ma kien hemm xejn iżjed xi jsir u ntfew il-magni.

Il-familja tal-vittma tat l-approvazzjoni tagħha biex l-organi taż-żagħżugħ jingħataw b’donazzjoni. Dwar il-każ kienet inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.