Wara li fl-aħħar jiem kien rappurtat li Liverpool u Roma qablu għat-trasferiment, waslet l-uffiċjalità tat-trasferiment ta’ Mohamed Salah għal ma’ Liverpool, trasferiment ta’ madwar €40 miljun. It-tim ta’ Jurgen Klopp kellu offerta inizjali ta’ madwar €32 miljun irrifjutata aktar kmieni dan ix-xahar, iżda l-persistenza ssarrfet fl-akkwist tal-Eġizzjan. Il-plejer ta’ 25 sena għamel l-eżami mediku fit-training grounds ta’ Melwood ilbieraħ u se jilbes il-flokk numru 11, b’Roberto Firmino jieħu l-flokk numru disgħa.
“Mohamed għandu t-taħlita perfetta bejn esperjenza u potenzjal u dan hu akkwist eċċitanti għalina. Hu jaf il-Premier League, għandu esperjenza fiċ-Champions League u hu wieħed mill-aktar plejers importanti għal pajjiżu. Ir-rekord tiegħu fl-Italja kien impressjonanti u għandu kwalitajiet li se jgħin lit-tim tagħna. Ili nsegwih minn meta spikka ma’ Basel u mmatura ħafna bħala plejers,” qal Jurgen Klopp.
Il-Ġermaniż kompla jgħid li Salah għandu pass inkredibbli, jagħti aktar saħħa fl-attakk, żona li fi kliemu huma diġà b’saħħithom. “Hu jemmen f’dawk li qed nippruvaw nagħmlu f’Liverpool u jinsab kuntent li jagħmel parti minn dan il-proġett. Hu eċċitat ħafna li jilgħab quddiem il-partitarji tagħna.
L-internazzjonali Eġizzjan kien ingħaqad ma’ Chelsea mingħand Basel għal somma ta’ madwar €12.5 miljun f’Jannar tal-2014, iżda lagħab biss 19-il logħba fis-sentejn u nofs li għamel mat-tim ta’ Stamford Bridge. L-esperjenzi b’self ma’ Fiorentina u Roma reġgħu qajmu l-karriera tiegħu, b’Roma jħallsu kważi €14-il miljun biex akkwistawh f’Lulju tas-sena l-oħra.
Salah skorja 15-il gowl l-istaġun li għadda hekk kif Roma spiċċaw it-tieni wara Juventus fis-Serie A. Liverpool se jkunu qed iħallsu somma inizjali ta’ €35 miljun li titla’ għal €39 miljun, somma li hi ftit anqas mis-somma ta’ €39.8 miljun li kienu ħallsu ta’ Andy Caroll lura fl-2011.
//= $special ?>