Lokali

Marco Bonnici elett President tal-MUT b’vantaġġ ta’ 6 voti fuq Franklin Barbara

Ritratt: Marco Bonnici (xellug) Franklin Barbara (lemin)

Marco Bonnici kien elett President tal-Union tal-Għalliema, l-MUT, wara li ġab 1,200 vot. Fl-elezzjoni li fiha vvutaw l-għalliema membri tal-MUT fl-aħħar jiem, il-kandidat l-ieħor, Franklin Barbara ġab 6 voti inqas għal total ta’ 1,194 vot.

Fl-aħħar snin Marco Bonnici serva bħala Viċi President tal-MUT. Fl-ewwel kummenti tiegħu waqt il-programm Net Live fuq Net Television, Bonnici tkellem dwar l-importanza tat-tkomplija tal-ħidma tal-MUT.

“Il-priorità tal-ħidma tagħna favur l-edukaturi hi t-tkomplija tax-xogħol li għamilna fl-aħħar snin. Fost l-oħrajn hemm numru ta’ ftehim pendenti, inkluż dawk fl-ITS, MCAST u skejjel indipendenti, li rridu nikkonkludu waqt li nibdew naħsbu għal oħrajn ġodda b’timeframes stabbiliti,” iddikjara Bonnici.

Fost l-ewwel impenji ta’ Bonnici hemm laqgħa importanti li se ssir fil-jiem li ġejjin fl-ITS, kif ukoll ħidma dwar il-Konferenza Ġenerali tal-istess MUT.

Din kienet l-ewwel darba fi 12-il sena li kien hemm kontestazzjoni għall-kariga ta’ President tal-MUT.

Apparti President, fl-elezzjoni se jkunu eletti wkoll Viċi President u l-membri kollha tal-kunsill tal-MUT.