L-istorja ta’ Captain, iż-żiemel li kien qed jirriskja l-mewt minħabba li sidu jinsab fi stat ħażin ta’ saħħa, qajmet għarfien ikbar fost il-poplu Malti u Għawdxi dwar il-ħidma li għaqdiet volontarji jwettqu f’pajjiżna biex isalvaw iż-żwiemel minn ħalq il-mewt.
Kien Net News li b’intervista ma’ Corinne Farrugia minn RMJ’s Horse Rescue ta stampa iżjed ċara tas-sitwazzjoni f’pajjiżna fejn żwiemel tat-tiġrija jispiċċaw żejda wara ftit snin ta’ tlielaq għaliex ma jibqgħux kompetittivi biżżejjed.
Bis-sidien tagħhom li jġibu żwiemel oħra minflokhom, tinħoloq problema fejn dawn se jitpoġġew. Ħafna drabi jispiċċaw jinqatlu jew abbandunati sakemm imutu bil-ġuħ u l-għatx jekk ma jinstabux minn xi santwarju f’pajjiżna.
Iżda sfortunatament il-fondi u l-ispazju għas-santwarji lokali huma ristretti mmens. B’xorti tajba, wara l-istorja ta’ Net News mhux biss isntabet familja għal Captain, imma wkoll għal ħames żwiemel fl-aħħar ħamest’ijiem.
Fost dawn, matul din il-ġimgħa wieħed miż-żwiemel li sabu dar ġdida wasal l-Inspire biex jibda jservi għat-terapija.
Min jixtieq jgħin, jew billi jadotta żiemel jew inkella joffri donazzjoni biex jgħin lis-santwarju jkompli jsalva liż-żwiemel jista’ jagħmel kuntatt ma’ RMJ’s Rescue fuq 9994 7633.
Dan hu s-servizz li għamel Net News fl-aħħar jiem.
//= $special ?>

