Il-Gvern għandu jkun impenjat li jħares l-għaqda u jaħdem għall-għaqda fil-pajjiż. Hekk qalet il–President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fid-diskors tagħha meta fetħet it-tlettax-il leġiżlatura tal-Parlament Mali. Diskors li matulu appellat għall-għaqda.
“L-ewwel prijorità tal-Gvern għandha tkun li jħares l-għaqda u jaħdem biex jgħaqqad lil pajjiżna wara ġimgħat ta’ kampanja elettorali intensiva u wara xhur sħaħ ta’ dibattitu qalil u ħafna drabi anke distruttiv”, qalet il-President.
“Ma nistennewx li dan il-proċess biex ningħaqdu se jkun proċess ta’ ftit jiem jew ftit ġimgħat. Neħtieġu bidla fil-kultura ta’ pajjiżna u fil mentalità tagħna bħala poplu. Bidla li ma tiddependix biss mill-partit fil Gvern u dak fl-Oppożizzjoni iżda hemm bżonn l-isforzi ta’ kull wieħed u waħda minna fil-pajjiż inklużi l-mezzi tax-xandir, is-soċjetà ċivili u kull min għandu xi forma ta’ influwenza fil-komunitajiet u fis-soċjetà tagħna,” żiedet tgħid.
Fil-Kamra tar-Rappreżentanti, il-President intlaqgħet b’fanfara, wara li barra l-bini tal-Parlament, intlaqgħet mill-iSpeaker Anġlu Farrugia, li kien għadu kif ġie kkonfermat fil-kariga.
Quddiem id-Deputati tat-tlettax-il leġiżlatura, il-President fakkret li fil-pajjiż, m’hemmx biss il-vuċi tal-maġġoranza. “L-għażla li saret mill-poplu tagħna nhar it-3 ta’ Ġunju 2017 għandha tkun rispettata. Daqstant ieħor għandha tkun rispettata l-vuċi ta’ dawk li għażlu programm ta’ ħidma differenti għal dak li ppreżenta l-Gvern,” appellat il-President.
Waqt li qrat il-programm tal-Gvern, il-President irreferiet ukoll għall-impenn li d-Deputati għandhom ikollhom biex jiġġieldu l-faqar. “Għandhom jiġu identifikati r-raġunijiet li qed iwasslu biex persuni qed jispiċċaw f’riskju ta’ faqar. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-kiri hu każ fejn l-avvanz ekonomiku jista’ jolqot ħażin lil dawk li l-iktar għandhom bżonn l-għajnuna,” qalet il-President.
“Sfortunatament, qed naraw, sitwazzjoni fejn il-prezz tal-kiri tal-proprjetà qed iwassal biex persuni jew jiftaqru biex iżommu lill-familja tagħhom b’saqaf fuq rashom jew inkella jispiċċaw barra t-triq,” żiedet tinnota l-President.
Wara li l-President ħalliet il-Kamra tar-Rappreżentanti, l-iżgħar Deputati fuq kull naħa – Rosianne Cutajar għall-Gvern u Ryan Callus għall-Oppożizzjoni, għamlu l-ewwel żewġ interventi tat-tlettax-il leġiżlatura.
//= $special ?>