Kull persuna għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, u jirrispetta l-prinċipju li kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi.
Kien dan wieħed mill-messaġġi tal-Arċisqof Charles Scicluna f’omelija waqt ċelebrazzjoni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann bħala parti mill-attivitajiet uffiċjali marbuta mal-ftuħ tat-tlettax-il leġiżlatura.
“Il-konvinzjoni li hemm Alla ħallieq hija l-mixtla li fiha tikber l-idea tad-drittijiet tal-bniedem, l-idea tal-ugwaljanza tal-bnedmin kollha quddiem il-liġi,l-għarfien tal-invijolabbiltà tad-dinjità f’kull persuna u l-konoxxenza tar-responsabbiltà ta’ kull bniedem għall-azzjonijiet tiegħu”, qal l-Arċisqof fl-omelija tiegħu.
Imma spikka wkoll il-messaġġ tal-Arċisqof biex il-politiċi jistinkaw biex jagħmlu dak li hu tajjeb. “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb…L-għan fundamentali ta’ kull politiku jibqa’ li jaqdi t-tajjeb u jiġġieled kontra l-ħakma tal-ħażin,” żied jgħid l-Arċisqof.
Quddiem id-Deputat eletti fit-tlettax-il Parlament, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-irwol tal-politiċi li jfittxu l-ġustizzja. “Il-politika għandha tistinka għall-ġustizzja u hekk trid tistabbilixxi minn qabel il-kundizzjonijiet fundamentali għall-paċi…mingħajr ġustizzja – x’ikun l-istat jekk mhux ġgajta kbira ta’ ħallelin?” staqsa l-Arċisqof.
Ma setax jonqos li l-Arċisqof ikellem lill-politiċi wkoll dwar il-kontabbiltà. “Din il-Kelma ta’ Ġesù, mela, tfakkarna li hemm diversi livelli ta’ kontabbiltà: kontabbiltà lejn il-kuxjenza ta’ dak li jkun, kontabbiltà lejn is-soċjetà, u, f’sens eskatoloġiku kontabbiltà lejn Alla, li waħdu jiżen u jiġġudika l qlub tal-irġiel u n-nisa fil-verità u l-ġustizzja.”
Għaċ-ċelebrazzjoni fil-Kon-Katidral attendew id-Deputati l-ġodda, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li kien akkumpanjat minn Kristina.
//= $special ?>