Rapport: Charles Camenzuli
Sodisfazzjon għall-atletika lokali fejn wara l-ewwel ġurnata tal-kampjonat tal-Ewropea tat-timijiet tat-tielet diviżjoni, kienu bosta r-rizultati pożittivi u ta’ prestiġju għall-atletika lokali.
Charlotte Wingfield kompliet fejn ħalliet fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa f’San Marino fejn fi 11.81 sekonda rebħet u ddominat il-100 metru. Apparti l-għaxar punti għal Malta bir-rebħa ta’ Wingfield, l-ewwel suċċess u l-ewwel punti waslu fil-pole vault fejn Peppina Dalli li l-iżgħar fil-kompetizzjoni, spiċċaw fl-ewwel post meta qabżet 3.31 metri
In-nisa lokali komplew jimpressjonaw bit-tieni post fl-400 metru meta Janet Richards f’56.42 sekonda daħlet wara Alisa Becic tal-Bożnja Herzegovina. It-tieni post b’differenza ta’ frazzjoni ta’ sekonda għat-tim tar-relay tan-nisa tal-4×100 metru magħmul minn Sarah Busuttil, Annalise Vassallo, Rachel Fitz u Charlotte Wingfield li f’46.74 sekonda daħlu wara l-Lussemburgu li rebħu f’46.38 sekondi.
Daqstant ieħor riżultat mill-aqwa mit-tim tal-irgiel tal-4×100 metru li f’42.25 sekonda, spiċċa fit-tieni post wara l-Lussemburgu bi 42.04 sekonda bit-tim Malti magħmul minn Julian Mifsud, Steve Camilleri, Luke Bezzina u Omar Elaida.
Lisa Marie Bezzina fit-3000 metru daħlet fit-tielet post f’10 minuti 6.96 sekonda.
Mario Mifsud b’tefa’ ta’ 47.61 metru spiċċa fit-tielet post fil-hammer throw. Daqstant ieħor sodisfazzjon fil-100 metru tal-irġiel fejn Luke Bezzina daħal fit-tielet post f’10.99 sekondi. Kien ukoll ir-ritorn fit-track ta’ Steve Camilleri.
It-tielet post ukoll għal Ian Paul Grech fil-Long Jump meta qabeż 7.03 metri kif ukoll fl-istess post daħlet Mona Lisa Camilleri fit-3000 metru fi 11-il minuta 19.60 sekonda sabiex kisret ir-rekord nazzjonali kif għamel ukoll Andrew Cassar Torreggiani fil-High Jump meta qabeż 1.90 metri.
Rebecca Sare fit-triple jump spiċċat fir-raba’ post bi 11.76 metru u fl-istess post, Francesca Borg fit-800 metru meta għamlet id-distanza f’żewġ minuti 12.78 sekonda. Fir-raba’ post daħal ukoll Charlton Debono fil-5000 metru fi 15-il minuta 22.26 sekonda.
Marilyn Grech fl-400 metru hurdles f’minuta 5.42 sekondi u Joanne Vella fil-javelin b’37.57 metri spiċċaw it-tnejn fil-ħames post fil-kategorija rispettiva l-istess bħal Daniel Saliba fl-400 metru hurdles f’55.61 sekondi. Spiċċat ukoll fil-ħames post Catriona Cuschieri b’tefa’ ta’ 34.59 metri fid-discus.
Fi tmiem l-ewwel ġurnata fil-klassifika fl-ewwel post, il-Lussemburgu b’173 punt, Malta fit-tieni post b’145.50 punt u Georgia b’135 punt.
//= $special ?>