Lokali

Konrad Mizzi jintlaqa’ b’dan il-messaġġ fil-ftuħ tal-Parlament

Ritratt meħud minn The Malta Independent
Banner bil-kliem 'Korrot' ġie mwaħħal faċċata tal-Parlament fil-Belt Valletta - b'messaġġ dirett għall-Ministru Konrad Mizzi

F’jum tal-ftuħ tal-Parlament, hekk kif il-Membri Parlamentari kienu qegħdin jagħmlu triqithom lejn il-binja tal-Parlament – banner kontra l-korruzzjoni twaħħal mal-bini li jinsab faċċata, b’wiċċ il-Ministru Konrad Mizzi.

Grupp ta’ attivisti waħħlu dan il-messaġġ bi protesta kontra l-korruzzjoni mal-balavostri li jinsabu mal-binja ta’ faċċata, iżda fi ftit minuti wara li twaħħal, l-awtoritajiet mal-ewwel neħħew dan il-banner. Il-messaġġ kien fih il-kelma ‘Korrot’ li ddominat, u kienet qegħda miktuba fuq ritratt tal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi – b’referenza ċara wkoll għall-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Konrad Mizzi hu l-Ministru li kien involut direttament fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Fl-istess attivita’ tal-ftuħ tal-Parlament, waqt li d-deputati kienu qegħdin fit-triqithom mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann għall-binja tal-Parlament – numru ta’ nies inġabru hdejn il-Parlament jinstigaw lid-deputati tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia billi jkantaw l-innu tal-Karnival.