Lokali

“L-isbaħ ġurnata” – 10 persuni jegħlbu l-vizzju tad-droga

Il-Ġimgħa kienet l-isbaħ ġurnata tas-sena għall-Caritas hekk kif fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ saret il-gradwazzjoni annwali ta’ persuni li jkun irnexxielhom jegħlbu l-problema tad-droga. Din is-sena t-tema tal-gradwazzjoni kienet ‘Ġarrabt biex Irbaħt.’

F’post fejn isibu persuni kwalifikati li jgħinuhom, fost l-oħrajn tirrenja wkoll id-dixxiplina u dawk imsejħa bħala konsegwenzi għal min ikun kiser xi regola. Dan bl-għan li dawn il-persuni, fi proċess mimli tbatija u bogħod mill-għeżież tagħhom, iħallu warajhom il-passat mudlam tad-droga u jibdew jgħixu mill-ġdid.

F’diskors tal-okkażjoni, id-Direttur tal-Caritas Leonid McKay għamilha ċara li Caritas, filwaqt li taqbel mal-użu mediċinali tal-kannabis, hi għal kollox kontra l-użu rikreazzjonali. Dan fid-dawl ta’ numru ta’ persuni li tkellmu mal-Caritas dwar kif bdew ipejpu l-ħaxixa u avvanzaw għal drogi iktar qawwija u qerrieda.

Qal li l-ismoke, fi kliem dawk li użawha, titqies bħala l-bidu tat-triq, għaliex iddikjara li kull min sar addict beda b’joint. Ir-residenti stess spjegawlu li bħall-alkoħol, il-cannabis hi meqjusa bħala l-ewwel pass għall-imbarazz.

Wiegħed li l-ħidma tal-Caritas fil-ġlieda kontra d-droga se tkompli, fost l-oħrajn fost dawk dipendenti mill-kokaina li sfortunatament in-numru tagħhom qiegħed dejjem iżjed jikber.

Min-naħa tagħha l-President ta’ Malta Marie Loise Coleiro Preca appellat lill-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problema tad-droga fil-ħabs.

Dan wara rakkont ta’ mara li qalet li fiż-żmien tas-sentenza tagħha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ħassitha daqs li kieku kienet għadha fit-triq. Gradwat ieħor saħansitra ddikjara li daħal il-ħabs għal sentenza ta’ sena, u ħareġ minn hemm ivvizzjat fuq drogi qawwija li bħalhom qatt ma kien ħa.

Il-President ta’ Malta ttimbrat din is-sitwazzjoni bħala defiċit tas-soċjetà u appellat ukoll lill-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problema ta’ persuni li jlestu l-programm tal-Caritas iżda ma jkollhomx saqaf fuq rashom u dawk li jkunu rijabilitati, jaħdmu u bil-familja iżda jispiċċaw il-ħabs minħabba każi pendenti.

Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna mhux biss faħħar il-ħidma tal-Caritas, li ta’ kull sena jsalvaw il-ħajjiet, iżda wkoll wiegħed l-appoġġ kontinwu tal-Knisja.

Fost il-mistiedna distinti preżenti għaċ-ċerimonja tal-grawdwazzjoni kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u Kristina Chetcuti li jwettqu ħidma ta’ volontarjat matul is-sena f’San Blas.