Meta nhar l-Erbgħa waranofsinhar kien qed jiltaqa’ l-Kumitat Pana fi Brussell, iċ-Chairman Werner Langen stqarr li d-diskors tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat il-ġimgħa li għaddiet żgwida lill-Parlament Ewropew.
Langen beda biex qal li d-diskors ta’ Muscat intlaqa’ bi kritika massiva u ħass li kellu jagħmel dawn il-kummenti tiegħu fil-bidu tal-laqgħa għaliex qal li minn dakinhar kellu ċ-ċans jivverifika dak li qal Muscat u sab li ma jikkorrispondix mal-fatti.
Il-President Langen qal li filwaqt li fid-diskors tiegħu, Muscat semma li kienu qed isiru erba’ investigazzjonijiet, jirriżulta li waħda biss għandha x’taqsam mal-Panama Papers, waqt li t-tlieta l-oħra m’għandhomx x’jaqsmu. Dan, ċertament li kien qed jiżgwida lil dawk li kienu qed jisimgħu lil Joseph Muscat.
Punt ieħor li qajjem Langen kien dwar kummenti li għadda fuq Facebook, l-eks-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb. Langen informa lill-membri li għal Zarb, hu (Langen) kellu jirriżenja mill-kariga li jokkupa u li għandu jkun kunsidrat bħala persona non grata. Dan, żied Langen, għaliex Zarb ħass li flok ma faħħar lill-Prim Ministru Malti hu għamillu mistoqsijiet ta’ natura kritika.
Milli jidher, żied Langen, is-Soċjalisti f’Malta jixtiequ li jkunu huma li jiddeċiedu kif għandu jitmexxa l-Kumitat, iżda dan, naturalment, mhux se jkun il-każ.
Finalment, Werner Langen qal li huma jkunu lesti li jiltaqgħu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta biex jisimgħu x’għandu xi jgħid wara li l-proċeduri kollha jkunu waslu fi tmiemhom.
//= $special ?>