L-aħħar rapporti mill-provinċja Ċiniża ta’ Sichuan qalu li kien għad fadal ‘il fuq minn 100 persuna rappurati nieqsa wara li numru ta’ djar, nhar is-Sibt, intradmu taħt valanga tal-art enormi li straxxnat il-villaġġ ta’ Xinmo.
Filwaqt li l-iskwadri għall-emerġenzi rnexxielhom isalvaw koppja u tarbija minn qalb ir-radam, l-awtoritajiet mhumiex qed jistennew li jirkupraw aktar ħajjin – bit-tfittxija qed tkompli.
S’issa, l-awtoritajiet irkupraw il-katavri ta’ 15 il-persuna, fost indikazzjonijiet li jista’ fadal l-għexieren tan-nies taħt ir-radam.
L-isforzi tal-emerġenza fil-villaġġ ta’ Xinmo ilhom għaddejjin mis-Sibt, bl-impenn jinvolvi l-eluf tan-nies li għaddejjin bi ġlieda ddisprata mal-ħin.
Fil-valanga nqerdu għexieren ta’ djar, bl-iskwadri għall-emerġenzi jużaw il-klieb imħarrġa biex jindikaw il-potenzjal tal-ħajja qalb il-munzelli tal-blat u l-art maqlugħ.
Skont l-aħħar indikazzjonijiet , baqgħu ma dehrux xi 118-il persuna rappurtati nieqsa. Dan waqt li l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, ħareġ direttivi biex is-servizzi tal-emerġenza ‘jibqgħu jistinkaw sal-aħħar’ biex in-nies jinstabu, anki jekk kien fadal ftit tama għalihom.
//= $special ?>