Formula 1 Sport

Daniel Ricciardo jirbaħ il-Grand Prix mimli inċidenti tal-Ażerbajġan

Ricciardo jiċċelebra ma' sħabu wara r-rebħa (Ritratt: Sutton Images)

Is-sewwieq tar-Red Bull Daniel Ricciardo kiseb il-ħames rebħa fil-karriera tiegħu meta spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Ażerbajġan, tiġrija mimlija emozzjonijiet u inċidenti. Fit-tieni post daħal il-Finlandiż tal-Mercedes Valtteri Bottas b’rimonta mill-aqwa, fejn saħansitra qabeż lil Lance Stroll ftit metri qabel tmiem it-tiġrija. Stroll xorta kien kuntent hekk kif il-Kanadiż tal-Williams kiseb l-ewwel podium tiegħu.

Ġurnata partikolari għall-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat, b’Sebastian Vettel jispiċċa fir-raba’ post qabel Lewis Hamilton. Spikka fost l-oħrajn id-dwell u kontroversja bejn it-tnejn, hekk kif wara li l-karozzi kienu taħt is-Safety Car, Hamilton kważi waqaf għal kollox fil-bidu tal-kantuniera minnhom li wassal biex Vettel daħal ftit fuq il-karozza tal-Brittaniku. Madankollu r-reazzjoni tal-Ġermaniż kienet insolita hekk kif wieġeb billi mess il-karozza ta’ Hamilton.

Wara li t-tiġrija tkompliet b’mod normali, Hamilton li kien jinsab fuq quddiem, kellu jidħol fil-pit lane biex jibdel il-headrest wara li kinitx pożizzjonata kif suppost. Iżda Vettel ingħata stop and go ta’ għaxar sekondi wara l-inċident li kellu ma’ Hamilton. Hu ħareġ qabel Hamilton, biż-żewġ karozzi jaqbżu lil ta’ quddiemhom filwaqt li jkomplu l-isfida ta’ bejniethom, b’Vettel jirnexxielu jżomm il-pressjoni ta’ Hamilton.

It-tiġrija kienet mimlija inċidenti bis-Safety Car toħroġ diversi drabi filwaqt li t-tiġrija twaqqfet għal xi ħin minħabba l-biċċiet tal-karozzi li kienu fiċ-ċirkwit. Esteban Ocon daħal fis-sitt post, segwit minn Kevin Magnussen ta’ Haas, Carlos Sainz tat-Toro Rosso, Fernando Alonso tal-McLaren u Pascal Wehrlein tas-Sauber.