Mietu talanqas 140 persuna fil-Pakistan meta trakk li kien qed jittrasporta ż-żejt inqaleb u sploda f’nirien, viċin il-belt ta’ Ahmedpur. Ħafna mill-vittmi inħarqu ħajjin u ċ-ċifra tal-mejtin mistennija li tiżdied peress li fil-post tal-inċident kienet laħqet inġabret folla kbira ta’ nies li ppruvaw jiġbru l-fuel li kien ħiereġ mit-tanker maqlub.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li għexieren ta’ nies qed ikunu trattati għall-ħruq serju li ġarrbu. Dan meta l-ħelikopters tal-Armata kienu qegħdin iwasslu lill-feruti lejn l-isptar fost rapporti li ħafna minnhom jinsabu f’sitwazzjoni kritika.
L-indikazzjonijiet huma li t-trakk taż-żejt seta’ kien għaddej b’veloċità eċċessiva meta nqaleb. It-trakk, dak il-ħin, kien qed iwassal il-kunsinna tiegħu mill-belt ta’ Karachi lejn Lahore u qed jingħad li f’ħin minnhom ‘splodietlu rota’, bil-konsegwenzi diżastrużi.
Xi sorsi fil-Pakistan qalu wkoll li n-nirien setgħu kienu dovuti għal persuni li kienu qed ipejjpu fuq il-post tal-inċident. Dan meta ħafna mill-katavri tal-vittmi tant inħarqu li, ‘il quddiem, se jkunu jistgħu jkunu identifikati biss permezz ta’ proċessi tad-DNA.
//= $special ?>