Internazzjonali

‘L-agħar epidemija tal-kolera’ fil-Jemen

epa05975962 Yemeni children, with cholera symptoms, receive medical care at a hospital in Sana'a, Yemen, 20 May 2017. According to the World Health Organization, Yemen could have as many as 300,000 cases of cholera within six months after more than 240 people died from cholera in the past three weeks. EPA/YAHYA ARHAB

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-Jemen, illum, qed tiffaċċja l-agħar epidemija tal-kolera minn kwalunkwe post fid-dinja.

Stqarrija mill-UNICEF u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-ammont ta’ każi tal-kolera suspettati fil-Jemen ( li qed ibati taħt l-effetti tal-gwerra) illum qabżu sew il-200,000.

S’issa mietu ’l fuq minn 1,300 bl-effetti tal-kolera fil-Jemen. Kwart ta’ dawn il-mejtin huma tfal u ċ-ċifra tal-mewt mistennija tiżdied fil-jiem li ġejjin.

Intant, iż-żewġ aġenziji tan-NU sostnew li qegħdin jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu din l-epidemija milli ‘taċċellera’. Dan fost l-istqarrijiet allarmanti li ‘il-Jemen, issa, qed jiffaċċja l-agħar inċidenza tal-kolera fid-dinja’.

L-istqarrijiet komplew li fi spazju ta’ xahrejn biss, il-kolera infirxet lejn kull zona tal-Jemen li tinsab taħt amministrazzjoni, meta hu kkalkulat li qegħdin ifeġġu madwar 5,000 każ tal-marda kuljum fil-pajjiż.

Is-sistemi rispettivi għas-saħħa, l-ilma u s-sanità fil-Jemen ikkrollaw wara sentejn ta’ gwerra bejn il-qawwiet tal-Gvern – li huma appoġġjati minn koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija – u moviment ta’ ribelli Houthi.

Dawn ir-ribelli qed jikkontrollaw ħafna territorju tal-Jemen li jinkludi l-kapitali, Sanaa.