Lokali

Maġistrat fl-Italja jitkellem dwar rabtiet mill-qrib bejn il-Mafja u Malta

Il-Maġistrat Nicola Gratteri, li hu wkoll il-Prokuratur ta’ Catanzaro, qajjem tħassib dwar dak li sejjaħ bħala “wisq rabtiet bejn L-‘ndangheta u Malta.”

L-‘ndrangheta hu grupp ta’ krimini organizzata, jew aħjar mafja, li topera fil-Kalabrija. Lejn tmiem is-snin 90 u l-bidu tal-millenju, l-‘ndrangheta sar l-iktar grupp kriminali b’saħħtu fl-Italja.

Gratteri kien qed jitkellem quddiem il-Kummissjoni Parlamentari kontra l-Mafja waqt seduta dwar il-każ tal-mafja f’Isola Capo Rizzuto.

Fost l-oħrajn f’dan il-każ hemm investigazzjoni fuq il-qassis Edoardo Scordio li hu kkalkulat li mill-assoċjazzjoni mafjuża ggwadanja €3.5 miljun f’għaxar snin. Hu wieħed minn dawk arrestati.

Fix-xhieda tiegħu l-Maġistrat Gratteri ddikjara li l-mafja kienet qed tikkontrolla l-logħob tal-azzard permezz ta’ kumpanija rreġistrata f’Malta. Filfatt jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani qed jistennew mill-awtoritajiet Malti ir-riżultati bħala parti minn investigazzjoni internazzjonali.

L-istess Gratteri lmenta li l-investigazzjoni qed taqa’ lura minħabba li d-dokumenti mill-awtoritajiet Maltin għadhom ma waslux.

“Iqajjem suspetti kbar il-fatt li f’Malta hemm konċentrazzjoni ta’ soċjetajiet li joffru l-logħob tal-flus onlajn. Hemm xi ħaġa li mhux taħdem b’mod normali, leġiżlattiv u f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli f’Malta. Hekk kif Malta mhix daqstant bogħod mill-Italja u b’rapporti kontinwi ma’ pajjiżna, hemm bżonn li ninvestigaw iżjed,” iddikjara Gratteri quddiem il-President tal-Kummissjoni, Rosy Bindi.

Fuq livell globali, il-grupp ‘ndrangheta hu meqjus bħala fost l-iktar b’saħħtu u sinjur fid-dinja, skont rapport tal-Europol li sar fl-2013, it–Threat Assesment on Italian Organsied Crime.

Fl-2010 kien ikkalkulat li l-attivitajiet ta’ traffikar tad-droga, estorsjoni u ħasil tal-flus tal-‘ndrangheta jammonta għal 3% tal-prodott domestiku gross tal-Italja.

Fl-aħħar snin kienu diversi l-kumpaniji rreġistrati f’Malta li ngħalqu u l-assi tagħhom ġew sekwestrati minħabba infiltrazzjoni tal-mafja jew rabtiet mafjużi.