Internazzjonali

Obama akkużat li ‘ma għamel xejn’ dwar l-indħil mir-Russja

epa05421810 US President Barack Obama and First Lady Michelle Obama walk to board Marine One on the South Lawn of the White House in Washington, DC, USA, 12 July 2016. The President and First Lady are travelling to Dallas, Texas, to attend the memorial service for the 5 police officers shot and killed in an attack during a protest March on 07 July. EPA/SHAWN THEW

 

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, akkuża lill-President Amerikan ta’ qablu, Barack Obama, li ‘ma għamel xejn’ fir-rigward tal-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni tas-sena l-oħra li ddeċidiet it-tmexxija tal-Istati Uniti sal-2020.

Trump qed jgħid li Obama kien ‘jaf dwar dawn l-akkużi’ minn ħafna qabel l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru, u li hu ‘xorta waħda ma ħax passi xierqa fiċ-ċirkustanzi’.

Il-kummenti ta’ Trump ingħataw wara li deher artiklu fil-Washington Post li qal li Barack Obama ‘kien ilu minn Awwissu (tal-2016) li sema’ dwar is-sehem dirett tal-President (Russu) Vladimir Putin (fil-proċess elettorali tal-Istati Uniti)’.

L-allegat indħil ta’ Moska fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti ilu suġġett għall-investigazzjonijiet fuq livell għoli min-naħa tal-Amerikani.

Sadanittant, il-President Putin ċaħad kemm il-darba li pajjiżu qatt indaħal fil-proċess elettorali tal-Istati Uniti.

L-artiklu pubblikat fil-Washington Post sostna li l-eks President Obama, f’Awwissu li għadda, kien infurmat ‘minn sorsi fi ħdan il-Gvern tar-Russja’ li Vladimir Putin kien qed ikollu sehem dirett f’kampanja ċibernetika intiża biex tfixkel l-elezzjoni fl-Istati Uniti.

Ir-rapport sostna wkoll li din il-kampanja ‘min-naħa tar-Russi’ kellha l-għan li tagħmel il-ħsara lil Hillary Clinton – il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-Presidenza u r-rivali ewlenija ta’ Trump – minbarra li tgħin biex Donald Trump, il-kandidat Repubblikan, ‘jaċċerta miċ-ċavetta għall-White House’.

Skont il-Washington Post, l-eks President Obama kien involut f’diversi taħditiet sigrieti dwar ‘l-għażliet għall-miżuri punittivi’ fil-konfront tar-Russja, iżda hu, fl-aħħarnett, kellu jikkuntenta b’numru ta’ miżuri simboliċi.

Il-miżuri inkwistjoni kienu jinvolvu t-tkeċċija ta’ 35 diplomat u l-għeluq ta’ żewġ kumplessi tar-Russi – bil-passi inkwistjoni jseħħu f’Diċembru li għadda, ġimgħat wara li kien sar magħruf ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.