Sport Sport Ieħor

Qbil fuq il-proposta tal-MFA favur it-riforma tal-futsal

Azzjoni mill-finali tan-knock-out bejn Valletta u Ħamrun (Ritratt: Joe Borg

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret il-ġimgħa l-oħra, il-klabbs tal-futsal ivvutaw unanimament favur ir-Riforma tal-Futsal hekk kif ġiet proposta mill-MFA bil-għan li jiġu introddoti serje ta’ titjib fix-xhur li ġejjin.

Bħala punt ta’ tluq, l-MFA qed tirrikonoxxi l-importanza tal-futsal bħala logħba komplimentari għall-futbol u li se tagħti s-sapport kollu meħtieġ għall-Futsal. F’dan ir-rigward, l-MFA tħoss li l-iżvilupp tal-logħba għandu jseħħ billi l-partijiet konċernati mall-futsal ikunu kkordinati b’kumitat li jaqa’ taħt l-MFA. B’hekk se jinħoloq l-hekk imsejjaħ Futsal Committee li mill-istaġun li jmiss jieħu ħsieb l-istruttura tal-kampjonat u jfassal strateġija għas-snin li ġejjin li jinkludi wkoll rappreżentanza mis-settur tekniku, l-Youth FA u t-taqsima tar-referees.

L-organizzazzjoni diretta tal-kampjonati nazzjonali se tkun delegata lill-Istanding Committee, li se jkun magħmul mir-rapprezentanti tal-klabbs parteċipi, bl-assistenza ta’ skrivan għall-futsal li jkun impjegat fuq bażi full time mill-MFA. L-Istanding Committee se jkun irrapreżentat ukoll fil-Futsal Committee.

Din it-tranżizzjoni se tiġi introdotta mill-istaġun li jmiss, bis-sehem tal-uffiċjali tal-FMA Mark Borg u Mireille Vella, li se jtemmu l-kariga tagħhom imma se jkunu qed jassistu lill-Istanding Committee f’din it-tranżizzjoni sakemm ir-riforma tiġi implimentata kompletament.