Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet: Jgħaddu għas-semifinali l-favoriti

Il-plejers Ġermaniżi jiċċelebraw l-ewwel gowl ta' Kerem Demirbay (Ritratt: Getty Images)

Il-Ġermanja u ċ-Ċili huma ż-żewġ timijiet l-oħra li kkwalifikaw għas-semifinali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li l-Ġermanja rebħet filwaqt li ċ-Ċili kisbet id-draw li kellha bżonn. Il-Ġermanja issa se tilgħab kontra l-Messiku filwaqt li ċ-Ċili se tilgħab kontra r-rebbieħ ta’ Grupp A l-Portugall.

Iċ-Champions tad-Dinja għelbet lill-Kamerun 3-1. Kerem Demirbay fetaħ l-iskor fit-48 minuta u rduppjaw fis-67 minuta minn Timo Werner. Il-Kamerun naqsu d-distakk fid-79 minuta minn Vincent Aboubakar, iżda tliet minuti wara l-Ġermanja għalqu l-logħba għal darba oħra minn Timo Werner. F’din il-partita reġgħet spikkat ir-regola esperimentali tal-VAR, hekk kif ir-referee keċċa lil Ernest Mabouka ftit qabel it-tieni gowl Ġermaniż, fejn spikkat il-kontroversja li tkeċċa plejer bi żball u jekk il-fawl kienx ta’ karta ħamra.

Fil-logħba l-oħra, iċ-Ċili spiċċat 1-1 mal-Awstralja. Kienu s-Socceroos li marru fil-vantaġġ minn James Troisi tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, iżda ċ-Ċili serrħu rashom mill-kwalifikazzjoni bil-gowl tad-draw fit-68 minuta ta’ Martin Rodriguez.