Lokali

FILMAT: Il-Gvern għadu jrid jara x’tip ta’ “partnership” se jkollha l-Air Malta

Ġimgħa ilu Joseph Muscat qal li għaddejjin taħdidiet ma' "konsorzju partikolari". Illum Konrad Mizzi qal li "bħalissa m'hemm l-ebda konsorzju".

Il-Gvern għadu jrid jara x’tip ta’ “partnership” se jkollha l-Air Malta, tant li l-Gvern għadu ma bediex jitkellem dwar il-“partnering model”. Il-Ministru responsabbli mill-Air Malta Konrad Mizzi stess ikkonferma dan meta kien qed jiġi mistoqsi minn NET News.

“Aħna fassalna l-mudell ta’ bidla biex l-Air Malta tkun sostenibbli,” spjega Konrad Mizzi. “Il-‘partnering model’ nixtieq li jkun ‘step 2′, però l-ewwel pass hu li l-Air Malta ssalva u tkun b’saħħitha” żied jgħid.

Dan il-kumment jitfa’ dawl ġdid dwar f’liema stadju wasal il-Gvern fil-proċess tiegħu biex jirristruttura l-linja nazzjonali tal-Air Malta, wara li s-sena li għaddiet, l-eks Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ma rnexxilux iżomm mad-deadlines tal-Gvern għall-Air Malta.

U filwaqt li ġimgħa ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bħalissa għaddejjin taħdidiet ma’ “konsorzju partikolari”, dalgħodu, il-Ministru Konrad Mizzi qal li “bħalissa m’hemm l-ebda konsorzju”.

“We already are in advanced talks with one particular consortium, and once those talks lead us to where we want them to lead us, then we can move ahead,” kien qal Muscat ġimgħa ilu f’kummenti mill-media. Imma mistoqsi dalgħodu jekk il-konsorzju hux se jkun magħmul minn kumpaniji Maltin jew kumpaniji barranin, Konrad Mizzi qal li “bħalissa m’hemm l-ebda konsorzju”. “Bħalissa l-focus tagħna se jkun ovvjament li nagħmlu ċ-change process meħtieġ biex l-Ar Malta tkun b’saħħitha,” żied jgħid.

In-nuqqas ta’ qbil bejn Joseph Muscat u l-Ministru tiegħu Konrad Mizzi jikxef it-taħwid li hemm fil-Gvern dwar it-triq ‘il quddiem dwar l-Air Malta, aktar u aktar dwar min se jkun qed imexxi l-linja nazzjonali tal-ajru ladarba din tinbigħ mill-Gvern.