Lokali Parlament

Il-Gvern jrid ineħħi l-kliem ‘omm’ u ‘missier’ mill-kultura Maltija

Waqt il-programm NET LIVE fuq Net Television

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li fil-liġi l-ġdida dwar iż-żwieġ, il-Gvern jrid ineħħi l-kliem ‘omm’ u ‘missier’ mill-kultura Maltija għaliex qed ineħħihom mil-liġi.

Fil-Parlament, David Agius qal li l-Gvern iddeċieda li ma jikkonsulatx mal-Oppożizzjoni tant li din il-liġi kienet pubblikata filgħodu stess.

L-Oppożizzjoni mhux se taqa’ għal-lixka tal-Prim Ministru u minkejja li l-liġi ma kinitx lanqas għand il-Kunsill Konsultattiv imwaqqaf mill-Ministru Dalli, l-Oppożizzjoni se tivvota favur u se tiddiskuti. L-Oppożizzjoni mhix kontra l-ugwaljanza ta’ kulħadd fiż-żwieġ. Fil-programm elettorali tal-PN hemm speċifikat li l-PN jemmen li d-drittijiet tal-LGBTIQ għandhom jssaħħu. Din il-pożizzjoni l-PN ħadha wara konsultazzjoni.

David Agius qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni iddikjara li din hi liġi li ftit tbiddel minn dak li sar tliet snin ilu u li fis-sustanza diġà hemm żwieġ. Għalhekk il-PN se jivvota favur.

Il-PN jemmen li fil-liġi għandu jkun hemm l-għażla għaliex il-liġi se tneħħi l-kliem ‘omm’ u ‘missier’, ‘mara’ u ‘raġel’. Għandu jkun il-persuna li jagħżel. Flok ‘omm’ se tidħol il-frażi ‘l-persuna li welditek’.

Il-Gvern qed iwaqqa’ l-isem tal-omm u l-missier għaż-żufjett. Il-PN qed jappella lill-Ministru Dalli biex jikkunsidra din il-proposta tal-PN u ma jħallix dan l-aspett jispiċċa mil-liġijiet Maltin. Bil-proposti tal-Gvern, tarbija mhux se tkun tista’ tgħajjat lill-omma ‘ma’ u lil missierha ‘pa’ għaliex din tneħħiet mil-liġi.

Il-PN hu favur l-inklużjoni u mhux l-esklużjoni, sostna David Agius, li qal li l-Ministru Dalli lanqas qed jimxi mal-ispirtu tad-diskors tal-President. Fil-liġi qed tiddaħħal biss il-kelma ‘konjugi’ flok ‘mara’ u ‘raġel’. Il-Gvern mhux iħoss il-fibra morali tal-pajjiż.

David Agius qal li fir-records tal-isptar mhux jinbidlu l-kunjomijiet fejn id-drittijiet tal-koppji gay mhux ikunu salvagwardjati. Il-PN jemmen f’kampanja edukattiva fuq skala nazzjonali u ta’ għarfien li tiffoka fuq l-inklużjoni fl-edukazzjoni b’enfażi fuq l-ugwaljanza.

Id-deputat Nazzjoalista kompla li għandha jinħoloq post għal support teachers fl-iskejjel biex ikun hemm l-appoġġ meħtieġ, kampanji preventivi, kliniċi speċjalizzajati, mediċini b’xejn, operazzjonijiet b’xejn għall-min irid jibdel is-sess u servizi psikoloġiċi b’xejn. Għandha tidħol ukoll strateġija għall-protezzjoni mis-suwiċidji u iktar koordinazzjoni bejn l-għaqdiet inovluti.

Hu semma r-reliġjon u kkwotat lill-Papa Franġisku u appella biex isir pjan nazzjonali permezz ta’ kumitat parlamentari biex ħadd ma juża’ lill-komunità gay.