Minkejja li l-partita se tintlagħab fl-1 ta’ Settembru, il-preparazzjoni għal logħba Malta v Ingilterra tinsab għaddejja ġmielha hekk kif l-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol qed taħdem biex tassigura li kollox imur sew.
Is-Segretarju tal-MFA Angelo Chetcuti qal li l-preparazzjoni ilha li bdiet fuq diversi livelli u qed isiru xogħlijiet fuq naħat tal-grawnd li ftit jintużaw. Chetcuti qal li minħabba li n-naħat ta’ wara l-lasta ftit jintużaw, għall-assoċjazzjoni hi opportunità biex jagħmlu x-xogħol neċessarju biex fil-ġurnata kollox imur kif pjanat.
Chetcuti kompla jgħid li jinsabu f’kuntatt kontinwu mal-pulizija kif ukoll komunikazzjoni mal-FA Ingliża. Hu rringrazzja lil min hu dispost li jbigħ il-biljetti.
Il-Kap tal-Marketing tal-MFA Norman Saliba ta d-dettalji dwar il-loġistika tal-logħba, il-prezzijiet u l-proċess tal-biljetti. Il-prezzijiet għal din il-logħba ħarġu daqs sena ilu bil-prezz fil-West Side hu ta’ €60, Millenium Stand €40 u wara l-lasta €20. Il-partitarji Ingliżi se jkollhom allokat in-North Stand u parti minn West A.
Norman Saliba qal li l-bejgħ tal-biljetti se jibda llum wara nofsinhar u hemm madwar ftit aktar minn nofs il-kapaċità tal-istadium. L-MFA qed tistenna li l-biljetti jinbiegħu ferm qabel id-data tal-logħba. Mistoqsi, Saliba qal li mhux se jkun hemm fan park barra l-istadium, minħabba li l-pulizija ma tixtieqx li jkun hemm minħabba miżuri ta’ sigurta.
L-MFA qed tagħti importanza lis-sigurtà u l-bejgħ online tal-biljetti hu miftuħ għal persuni li jgħixu f’Malta biss. Dawk il-partitarji barranin li nfurmaw l-FA Ingliża biex jixtru l-biljetti qed jintalbu l-passaport filwaqt li jkun hemm proċess ta’ screening mill-pulizija. Il-biljetti qed jinbiegħu mill-ħwienet tas-soltu; mill-uffiċini tal-MFA, mill-Eros Stationers, mill-uffiċju tal-KSU, mill-ħwienet ta’ Matrix, Lion King Stationery, Teamsport, Star Tourist Services u l-uffiċini tal-GFA fix-Xewkija.
L-MFA ħarġet b’inċentiv ukoll għal dawk li jixtru l-biljetti mill-uffiċini tagħhom fejn hemm offerta li flokk uffiċjali tat-tim nazzjonali, xalla u badge tal-partita jinbiegħu għal €60 bi skont ta’ €10 mill-prezz oriġinali.
//= $special ?>