Futbol Sport

Löw jgħaqqad il-100 rebħa bħala kowċ nazzjonali tal-Ġermanja

Il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja fil-logħba tal-bieraħ (Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali tal-Ġermanja Joachim Löw laħaq rekord impressjonanti ta’ 100 rebħa fit-tmexxija tal-Ġermanja, wara li ċ-Champions tad-Dinja għelbu lill-Kamerun fl-aħħar logħba ta’ Grupp A tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Il-gowls ta’ din ir-rebħa ġew skorjat minn Kerem Demirbay u Timo Werner. Demirbay poġġa lill-Ġermaniżi minn fuq u Werner irdoppja, iżda l-Kamerun naqsu d-distakk minn Vincent Aboubakar fit-78 minuta, madankollu Werner għalaq il-logħba żewġ minuti wara.

Din il-100 rebħa tal-kowċ ta’ 57 sena, waslet wara 150 logħba fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Ġermaniż minn meta kien ħa t-tmexxija wara r-riżenja ta’ Jurgen Klinsmann fl-2006. Ir-rebħa fissret ukoll li l-Ġermanja minkejja b’tim esperimentali, għadhom biċ-ċans li jirbħu l-ewwel Tazza tal-Konfederazzjoni tagħhom.