Wieħed mill-Partners ta’ Nexia BT, Karl Cini, naqas milli jwieġeb għal ħafna mistoqsijiet li sarulu meta fil-Qorti kien qed jnstema’ libell miftuħ minn Nexia BT kontra The Malta Independent.
Il-każ huwa dwar ittri ta’ referenza li Mossack Fonesca talbet li jinġiebu mill-bank HSBC għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u dak li kien General Manager ta’ Kasco Ltd Malcolm Scerri.
Jirriżulta li dawn l-ittri ta’ referenza kellhom letterhead ta’ fergħa tal-HSBC li ma kinitx għadha qed topera meta ġew iffirmati dawn l-ittri, bil-konsegwenza li skont The Malta Independent kellha ssir investigazzjoni dwar il-possibiltà ta’ frodi. Storja li kienet wasslet lil Nexia BT biex tiftaħ proċeduri ta’ libell.
Iżda fil-Qorti, Karl Cini ta’ Nexia BT naqas milli jwieġeb sensiela ta’ mistosijiet li sarulu mill-Avukat Peter Fenech, li qed jidher għal The Malta Independent.
Fost dawn, Cini naqas milli jwieġeb jekk Mossack Fonseca għamlitx it-talba għall-ittri ta’ referenza bil-kitba jew b’mod verbali. L-anqas ma wieġeb meta mistoqsi dwar ir-relevanza ta’ dawn l-ittri. Meta mistoqsi jekk l-ittri ta’ referenza waslux għand Nexia BT bil-posta jew jekk inġabrux personalment mill-bank, Karl Cini naqas milli jwieġeb ukoll. Għal dawn il-mistoqsijiet kollha u oħrajn, Karl Cini jew qal li nesa, jew inkella qal li l-mistoqsijiet m’humiex relevanti.
Karl Cini huwa partner f’Nexia BT flimkien ma’ Brian Tonna. Nexia BT hija l-kumpanija li ffaċilitat il-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Kumpaniji li nkixfu bil-Panama Papers.
//= $special ?>