Futbol Sport

Nafu x’qed nistennew – Mark Miller

Il-kowċis taż-żewġ timijiet u l-captain ta' Hibernians Clayton Failla (Ritratt: Martin Agius)

Iċ-Champions lokali Hibernians se jkunu l-ewwel tim Malti impenjat fil-kompetizzjonijiet ewropej meta llejla jilagħbu kontra FCI Tallinn fit-8.00pm fil-Hibernians Stadium, logħba valida mill-ewwel leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Partita li l-kowċ ta’ Hibernians Mark Miller iddeskriva li r-riżultat tal-partita f’darhom bħala importanti.

F’konferenza stampa lejliet il-logħba, Miller qal li t-tim mill-Estonja hu tim b’saħħtu bi stil Russu u kompla jgħid li hu impressjonat bil-mod kif jilagħbu. Il-kowċ Pawlist qal li kellhom erba’ ġimgħat ta’ preparazzjoni li kien l-aqwa żmien possibbli għalihom minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali u l-vaganzi tal-plejers barranin. Miller kompla jgħid li fiżikament huma inferjuri għall-avversarji minħabba li FCI Tallinn jinsabu f’nofs il-kampjonat u jittama li t-temperatura tgħinhom.

“Ksibna informazzjoni fuqhom u nafu kull plejer individwali u għalhekk nafu x’qed nistennew. Huma jilagħbu futbol aggressiv u dirett, u dan hu l-istil li aħna ma rridux. Imma rridu nieħdu l-logħba fi stadju wara l-ieħor u naraw anki fiżikament fejn inkunu,” qal Miller.

Il-kowċ ta’ FCI Tallinn Aleksandr Pushtov qal li kisbu informazzjoni fuq Hibernians u jridu jifhmu l-klima hekk kif huma kienu qed jilagħbu f’temperatura ta’ ħames gradi filwaqt li f’pajjiżna hi ta’ aktar minn 30 grad.

Hu qal li jridu jadattaw il-kundizzjoni fiżika u jridu jaraw kemm se tħalli effett. Pushtov kompla jgħid li Hibernians għandhom l-attakk b’saħħtu bi plejers individwali u jemmen li jekk jirnexxielhom jikkontrollawhom, fiduċjuż li jiksbu riżultat pożittiv.

Preżenti wkoll kien hemm il-captain ta’ Hibernians Clayton Failla fejn qal li hi logħba diffiċli u bi preparazzjoni għal partita, l-istaff għenhom bl-aħjar mod possibbli. Id-difensur jemmen li jekk jilagħbu l-aħjar tagħhom jista’ jkollhom riżultat tajjeb. Failla jittama li l-fattur li se jilagħbu f’darhom iħalli effett fil-pożittiv.

L-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League – L-ewwel leg

Għada

Alashkert v Santa Coloma  6.00pm

Hibernians v FCI Tallinn     8.00pm

TNS v Europa FC                 8.00pm

Vikingur v Trepca 89          8.00pm