Claudio Ranieri kien preżentat uffiċjalment ilbieraħ bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb Franċiż Nantes b’kuntratt ta’ sentejn. It-Taljan ta’ 65 sena li mexxa lil Leicester għar-rebħ ta’ kampjonat storiku, kien preżentat bil-flokk l-isfar tal-klabb tal-Ligue 1 u żar Stade de la Beaujoire li hu l-grawnd ta’ Nantes.
Ranieri kien tkeċċa minn ma’ Leicester fit-23 ta’ Frar, bil-klabb punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni wara bidu ħażin fil-kampjonat. Hu kien konfermat bħala l-kowċ il-ġdid madwar ġimgħa u nofs ilu u se jieħu post il-Portugiż Sergio Conceicao li spiċċa s-seba’ fil-kampjonat li għadda.
Biex ikun kien konfermat, kellu jistenna l-konferma mil-Ligue de Football Professionel li tgħid li l-kowċis aktar minn 65 sena jrid ikollhom permess speċjali biex ikunu konfermati.
It-Taljan diġà għandu esperjenza tal-kampjonat Franċiż hekk kif mexxa lil Monaco bejn l-2012 u l-2014. Hu kien wassalhom biex jiksbu l-promozzjoni fil-Ligue 1 wara sentejn fil-Ligue 2 u saħansitra fl-istaġun sussegwenti spiċċaw it-tieni wara PSG.
“Ninsab vera kuntent li qiegħed hawn. Naf li Nantes għal futbol u kont ġejt hawn ma’ Monaco. Il-partitarji huma fantastiċi. Sergio Conceicao għamel xogħol tajjeb mal-plejers u rrid inkun parti mill-kontinwazzjoni,” qal il-kowċ Taljan.
Ranieri faħħar lill-President tal-klabb Waldemar Kita li kkonvinċieh biex jingħaqad mal-Franċiżi u qal li m’għandu l-ebda indiema wara t-tluq minn ma’ Leicester.
“Irridu ninsew lil Leicester u naħdmu b’umiltà. Leicester jibqgħu xi ħaġa unika. Ninsab fi klabb li rebaħ tmien kampjonat u ninsab onorat li qiegħed hawn,” kompla Ranieri. L-aħħar kampjonat li rebħu Nantes kien fl-2001.
//= $special ?>