Futbol Sport

Tfal u żgħażagħ jaqsmu l-kickboxing mal-komunità tal-Fgura

Iż-żgħażagħ tal-klabb tal-kickboxing Ying Yang - Team Noel

Tfal u żgħażagħ li b’dedikazzjoni jitħarrġu fil-kickboxing mal-klabb Ying Yang – Team Noel, il-Ġimgħa taw dimostrazzjoni ta’ dan l-isport waqt attività fil-Fgura.

L-atleti ta’ Team Noel qasmu l-ħiliet u t-tekniki fil-kickboxing u l-boxing mal-komunità tal-Fgura li tilqagħhom, hekk kif il-klabb Ying Yang ilu seba’ snin ibbażat f’dan ir-raħal.

Waqt il-Lejla Maltija mtella’ mis-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Karmnu, l-udjenza kellhom l-opportunità li jaraw diversi tekniki tal-kickboxing, fosthom punches differenti, kicks u knee-strikes.

Is-sessjonijiet ta’ sparring niżlu b’mod partikolari tajjeb mal-udjenza, speċjalment dawk li qatt ma assistew għal ġlied bejn champions u atleti professjonali. Spikka wkoll is-sehem tal-kickboxers ċkejkna, li diġà għandhom ħiliet avvanzati f’dan l-isport.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.