Rapporti ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni biex il-Qatar jirbħu d-dritt li jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2022 kienu pubblikati fil-media Ġermaniża. Il-gazzetta Bild qalet li għandha rapport tal-2014 miktub mill-eks investigatur indipendenti tal-FIFA Michael Garcia.
Ir-rapport tal-Bild jinkludi dettalji ta’ madwar €1.8 miljun li allegatament tħallsu lit-tifla ta’ uffiċjal tal-FIFA li għandha 10 snin. Garcia rriżenja f’Diċembru tal-2014 bi protesta ta’ kif iddiskutew ir-rapport tiegħu fil-proċess tal-għażla.
Hekk kif ħalla l-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol fid-dinja, l-avukat Amerikan qal li kien hemm nuqqas ta’ tmexxija, bl-eżekuttiv jaqbel unanimament li jippubblika verżjoni legali tar-rapport. Din il-verżjoni ta’ 42 paġna ma sabux lil Qatar ħatja ta’ korruzzjoni.
Il-gazzetta Ġermaniża qalet li se tippubblika d-dettalji kollha tar-rapport ta’ Garcia li fih 403 paġni. Il-gazzetta qed tgħid li tliet membri eżekuttivi marru għal party f’Rio b’jet privat li hu proprjetà tal-federazzjoni tal-Qatar qabel ma ttieħed il-vot dwar min se jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022, kif ukoll li l-Aspire Academy fil-Qatar kienet implikata b’mod deċiżiv fil-manipulazzjoni tal-membri tal-FIFA li kellhom dritt għal vot.
F’post fuq facebook, Peter Rossberg, il-ġurnalist li qed jgħid li għandu dan ir-rapport, qal li r-rapport ma jipprovdiex il-provi li t-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022 kien mixtrija.
Hu ddeskriva dawn bħala “qisek għandek ħafna biċċiet li jagħmlu sens biss meta l-partijiet kollha jingħaqdu flimkien.” L-investigazzjoni tal-FIFA ħarset fil-kondotta tad-disa’ timijiet li pruvaw jorganizzaw dawn iż-żewġ avvenimenti, li kienu ngħataw lir-Russja u l-Qatar fl-istess ċerimonja fl-2010.
Garcia kien tkellem qabel ma rriżenja u qal li l-verżjoni tar-rapport tiegħu li l-FIFA ppubblikat kien jikkonsisti f’materjal kbir mhux komplut u mimli żbalji. Il-prosekuturi Franċiżi li wkoll investigaw il-proċess tal-għażla għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022, f’April kienu interrogaw lill-eks President tal-FIFA Sepp Blatter bħala xhud.
//= $special ?>

