It-tmien darbiet Olimpiku Usain Bolt qal li jista’ jkompli jikkompeti wara l-Kampjonati tad-Dinja ta’ din is-sena, iżda definittivament se jkun l-aħħar staġun tiegħu. Il-Ġamajkan ta’ 30 sena qal fil-passat li se jtellaq l-aħħar tiġrija tiegħu fil-London Stadium f’Awwissu.
Bolt żvela li tkellem mal-kowċ Glen Mills dwar jekk itemmx l-istaġun tiegħu wara li jikkompeti f’Londra. “Għadna ma ħadniex deċiżjoni dwar x’se nagħmlu,” qal Bolt.
Ħafna qed jgħidu li l-Kampjonati tad-Dinja se tkun l-aħħar tislima lil Bolt, għaliex qed jistennew li l-aħħar dehra tkun fil-4×100 metru relay fit-12 ta’ Awwissu. Waqt li kien qed jitkellem f’avveniment tal-IAAF f’Ostrava, Bolt kompla jgħid li mhux qed jinkwieta u bħalissa jinsab iffukat li jgħaddi dan l-istaġun. Bolt qal li jħobb jagħti divertiment lill-pubbliku u definittivament irid jipprova jieħu pjaċir kull minuta tal-avveniment.
Il-Ġamajkan tenna li mhux se jkun qed jikkompeti fit-tiġrija tal-200 metru f’Londra. Bolt sar l-ewwel atleta fl-istorja tal-Olimpjadi li jirbaħ kemm il-100 metru u l-200 metru f’ħinijiet rekord u ddefenda darbtejn b’mod konsekuttiv it-titli li rebaħ f’Beijing fl-2008.
“Kelli karriera mill-aqwa. Kelli l-mumenti tajbin u ħżiena, bl-esperjenzi li ħadt, dak li għaddejt minnu, il-kuntentizza u d-dwejjaq li kelli. Matul il-karriera, għamilt kollox dak li ridt nagħmel u m’għandi l-ebda problema. Dan hu staġun emozzjonanti,” temm Bolt.
//= $special ?>