Lokali

Fil-Ħabs tħossok qisek għadek fit-triq… flok jgħinek, ikissrek – Mara li qed ittemm sentenza ta’ priġunerija minħabba d-droga

Minkejja li għadni bis-sentenza, u suppost għadni msakkra l-Ħabs, ili hawn f’din id-dar tal-Caritas erba’ xhur. Fil-verità jien inħossni qisni ili erba’ xhur meħlusa mill-ħabs. U erba’ xhur meħlusa mid-droga, għax fil-Ħabs tħossok qisek għadek ‘fit-triq’. Flok jgħinek, ikissrek.

Din l-istqarrija iebsa għamlitha waħda mir-residenti tal-PIP (Prison Inmates Programme), dar immexxija mill-Caritas li tilqa’ fiha persuni li jkunu l-Ħabs fuq sentenzi ta’ abbuż mid-droga u jkunu waslu fl-aħħar sentejn tas-sentenza tagħhom. Huma jinżammu f’din id-dar f’Baħar iċ-Ċagħaq, sorveljati bħallikieku għadhom il-ħabs, imma fl-istess waqt jinżammu ’l bogħod mid-droga u mill-ambjent ta’ ħabs, u jkunu ppreparati bl-aħjar mod possibbli għad-dinja ta’ barra hekk kif tintemm kompletament is-sentenza tagħhom.

Ir-residenta – li isimha mhux jixxandar minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità – għamlet din l-istqarrija waqt clip qasira ta’ ftit sekondi li ntweriet nhar il-Ġimgħa li għadda waqt is-serata annwali tal-gradwazzjoni ta’ persuni li jkunu għadhom kif temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga mmexxi b’tant professjonalità u mħabba minn Caritas Malta.

It-terminu ‘fit-triq’ għall-persuni midħla tad-droga, ifisser proprju l-ambjent fejn id-droga tinstab faċilment, u fejn faċilment ukoll tfaqqrek finanzjarjament u tkissrek emozzjonalment, fiżikament u moralment.

Fil-messaġġ tagħha, fil-preżenza, fost oħrajn, tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, tal-Arċisqof Charles Scicluna u tal-Ministri Michael Farrugia u Michael Falzon, ir-residenta kompliet tgħid li f’din id-dar tal-Caritas terġa’ ssib lilek innifsek. “Issib dak kollu li kont tlift, il-valuri, il-prinċipji tiegħek li kont lesta narmi daqshekk malajr. Għamilt dawk ix-xhur kollha u rmejthom xorta l-ħabs. Dawn hawnhekk issibhom, mhux fil-ħabs.”

Il-messaġġ ta’ din il-mara, li sammar lil dawk kollha li kienu preżenti għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni, li semgħuh b’attenzjoni kbira fi skiet perfett, bi wħud minnhom evidentement kommossi, ġibed l-attenzjoni kemm tal-President kif ukoll tal-Arċisqof, li t-tnejn għamlu referenza għalih waqt id-diskorsi tagħhom aktar tard fl-istess okkażjoni.

L-Arċisqof, b’tant emozzjoni, staqsa lill-awtoritajiet: “Kif jista’ jkun li fil-Ħabs ikun hemm ambjent li fih wieħed iħossu daqslikieku għadu fit-triq?” Hu ddeskriva sitwazzjoni bħal din bħala falliment li s-soċjetà tagħna ma tistax tibqa’ tittollera.

L-Arċisqof Scicluna qal li l-Knisja lesta tikkopera mal-Istat u tgħin b’kull mod biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata. Il-ħabs għandu jgħin lil dak li jkun li jsir ċittadin aħjar f’ambjent trankwill li jgħinu jirrifletti fuq ħajtu, u mhux f’ambjent li jkompli jkissru u joffrilu vizzji ġodda.

Hu qal li seta’ jikkonferma l-messaġġ ta’ dik il-mara anki għax ftit żmien ilu ltaqa’ mar-residenti li qegħdin jagħmlu l-programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas u qalulu esperjenzi simili.

Esperjenza oħra kienet ta’ wieħed mill-għaxar persuni – disa’ rġiel u mara – li nhar il-Ġimgħa li għadda kienu l-protagonisti tas-serata, dawk li temmew b’suċċess il-programm iebes ta’ riabilitazzjoni u llum huma ‘clean’ għalkollox mid-droga.

Fi clip qasira u kommoventi għall-aħħar, dan ir-raġel jgħid li ta’ 14-il sena esperimenta b’joint, li wasslitu biex għamel 15-il sena sħaħ li matulhom ħa kull tip ta’ droga.

Meta ma felaħx iżjed għaddej f’din il-ħajja, daħal għall-programm tal-Caritas. Temmu b’suċċess u għamel seba’ snin clean. Madankollu l-Ġustizzja baqgħet tiġri warajh fuq reati preċedenti waqt li kien għadu ‘fit-triq’. Weħel sena ħabs. Jgħid li hemm daħal clean, u ħareġ minn hemm jieħu d-droga, din id-darba aktar heavy, b’mod li nefaq kull sold li kellu.

Jgħid li l-ħabs kien wasslu biex litteralment mess il-qiegħ. Hu reġa’ rrikorra għall-Caritas fejn beda programm ġdid ta’ riabilitazzjoni. Illum ilu sena u xahrejn clean mill-ġdid u żgur li kien jimmeritah l-applaws kbir li qala’ minn dawk kollha preżenti f’San Blas nhar il-Ġimgħa li għadda.

Waqt id-diskors tagħha fi tmiem is-serata, qabel l-għaxar gradwati ngħataw iċ-ċertifikat ta’ tmiem il-programm, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca wkoll irreferiet għall-problema tad-droga fil-Ħabs, b’appell imqanqal lill-awtoritajiet biex jindirizzaw din il-problema gravi li ddeskrivietha bħala defiċit kbir tas-soċjetà tagħna.

Fid-diskors ta’ inawgurazzjoni f’din is-serata, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, iddeskriva dan il-jum bħala l-isbaħ wieħed tas-sena għall-Caritas, minħabba s-sodisfazzjon li x-xogħol tagħhom ikun ta dan ir-riżultat inkoraġġanti b’ħajja ġdida lil dawn in-nies u lill-familjari tagħhom.

Fost il-personalitajiet preżenti fl-udjenza nhar il-Ġimgħa li għadda kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Kristina, li matul is-sena jmorru diversi drabi jagħmlu xogħol volontarju qalb ir-residenti fiċ-ċentru tal-Caritas f’San Blas.