Hibernians………………………….2
FCI Tallinn…………………………..0
Hibernians kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra FC Tallinn fl-ewwel leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League biex b’hekk għandhom ċans tajjeb li jkunu huma li jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss nhar it-Tlieta li ġej fl-Estonja.
Kienu FCI Tallinn li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti ngħataw penalty ferm kontroversjali meta l-midfielder ta’ Hibernians Johann Bezzina waqqa’ avversarju fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Kirill Nesterov li iżda ra lill-gowlkiper ta’ Hibs Andrew Hogg jilqa’ minn mal-art bi bravura u jdawwar il-ballun f’corner.
FCI Tallinn kienu ferm sfortunati meta man-nofsiegħa logħob xutt minn barra l-kaxxa ta’ Pavel Domov stampa mal-mimduda. Kwarta wara kienu Hibs li tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor propju fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota min-naħa tagħhom meta Jorge Pereira Da Silva ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi mxellfa f’corner minn difensur tat-tim mill-Estonja.
FCI Tallinn ħarġu iktar aggressivi fil-tieni taqsima u fit-53 minuta minn azzjoni personali, Albert Prosa qabeż żewġ difensuri avversarji qabel ra x-xutt tiegħu salvat.
It-tim minn Raħal Ġdid kompla juri l-aħjar logħob u ta’ dan ġie ppremjat meta fit-62 minuta, wara li rċieva minn freekick pinġut ta’ Marko Sahanek, għola tajjeb JORGE PEREIRA DA SILVA li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun wara Matvei Igonen.
Hibernians irduppjaw l-iskor 10 minuti wara meta minn azzjoni ta’ corner, u wara li qamet taħwida fil-kaxxa, BJORN KRISTENSEN, kien pront u xellef il-ballun fix-xibka.
//= $special ?>