L-Istati Uniti qalet li ‘identifikat it-tħejjijiet’ għal attakk kimiku ieħor fis-Sirja, bit-Tmexxija f’Washington twissi lill-Gvern tal-President Bashar al-Assad li ‘se jkollu jagħmel il-kontijiet magħha’ f’każ li jażżarda jwettaq azzjoni qattiela oħra fuq il-poplu Sirjan.
Kelliema għall-White House qalu li t-tip tal-attivitajiet li qegħdin jaraw fis-Sirja huma simili għal dawk li seħħew qabel is-suspettat attakk kimiku (bil-gass Sarin) ta’ April li għadda fuq iz-zona ta’ Khan Sheikhoun, li kienet kontrollata mir-ribelli. Fl-attakk ta’ April kien mietu għexieren ta’ ċivili u l-President Amerikan Donald Trump, wara, kien ħareġ direttiva għal attakk militari speċifiku fuq bażi tal-ajru Sirjana.
Fl-aħħar sigħat, l-Istati Uniti ħarġet stqarrija li wissiet lill-President Sirjan Assad li hu u r-reġim tiegħu ikollhom iħallsu ‘prezz qawwi ħafna’ f’każ li l-popolazzjoni tas-Sirja tispiċċa suġġetta mill-ġdid għal xi attakk ieħor b’suspettat materjal kimiku. L-Amerikani għamluha ċara wkoll li kwalunkwe azzjoni bl-armi kimiċi min-naħa tar-reġim Sirjan tissarraf fil-qtil tal-massa ta’ ċivili innoċenti.
Intant, il-Gvern tas-Sirja ċaħad li qed iħejji għal xi attakk kimiku. Dan meta l-President Sirjan, Assad, qabel, kien tenna li l-inċident fl-inħawi ta’ Khan Sheikhoun ‘kien kollu frott il-gideb tal-għedewwa tal-Gvern tiegħu’.
Iżda l-Istati Uniti qed tgħid li filwaqt li hi impenjata biex telimina lit-terroristi tal-ISIS fit-territorji Sirjani, hi mgħandhiex iżżomm lura biex tirritalja kontra Assad u r-reġim tiegħu f’każ li, fis-Sirja, isseħħ kwalunkwe azzjoni ġdida bl-armamenti kimiċi.
//= $special ?>