L-Ewwel Ministru tal-Iskozja Nicola Sturgeon qalet li se ‘tirranġa’ il-programm tagħha għal tieni referendum dwar l-indipendenza potenzjali tal-Iskoċċiżi mill-kumplament tar-Renju Unit.
Sturgeon, qabel, kienet sejħet biex referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja jsir f’Awwissu tas-sena d-dieħla inkella fir-rebbiegħa tal-2019. Iżda hi, illum, qed tikkunsidra mill-ġdid l-għażliet ta’ quddiemha mindu l-Partit Nazzjonali Skoċċiż (SNP) immexxi minnha spiċċa biex jitlef 21 siġġu fl-elezzjoni ġenerali ta’ xi ġimgħat ilu.
Fil-fatt, Nicola Sturgeon qalet, waqt diskors fil-Parlament Skoċċiż fis-sede ta’ Holyrood, li hi mgħandhiex tfittex ‘immedjatament’ biex tintroduċi leġislazzjoni għal referendum dwar l-indipendenza. Madankollu, Sturgeon qalet li l-Gvern Skoċċiż għandu jirdoppja xorta waħda l-isforzi tiegħu biex jaċċerta l-aħjar ftehim possibbli għall-Iskozja, u fid-dawl tal-proċess għall-Brexit li qed imexxi bħalissa r-Renju Unit.
Dan meta Nicola Sturgeon se timpenja ruħha biex l-Iskozja tibqa’ tifforma xorta waħda parti mis-suq komuni Ewropew.
Nicola Sturgeon, aktar tard illum, għamlitha ċara li l-Gvern tagħha se jżomm lura l-leġislazzjoni għal referendum sa, ‘mil-lanqas’, il-ħarifa tas-sena d-dieħla. Sadanittant, hi xorta se teħtieġ il-permess tal-Gvern Britanniku (f’Londra) biex ikun jista’ jittieħed vot mill-Iskoċċiżi li jorbot dak li jkun legalment.
Aktar qabel, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May kienet ħeġġet il Sturgeon biex ‘twarrab kompletament’ għall-possibbiltà li l-Iskozja tgħaddi mit-tieni referendum għall-indipendenza wara dak ta’ xi snin ilu, fejn l-Iskoċċiżi vvutaw biex ikomplu fi ħdan ir-Renju Unit.
Min-naħa tagħha, Sturgeon qalet li l-prospetti għal referendum dwar l-indipendenza kienu fattur fir-riżultat tal-aħħar elezzjoni fejn is-sehem tal-appoġġ għall-partit tagħha fost l-elettorat Skoċċiż naqas minn 50 għal 37 fil-mija.
//= $special ?>