Futbol Sport

Adrian Delia jirriżenja minn President ta’ Birkirkara FC

Adrian Delia kien President ta' Birkirkara fl-aħħar żewġ staġuni

Ftit tal-ħin ilu, Birkirkara ħarġu stqarrija li fiha qalu li Adrian Delia rriżenja minn President waqt il-laqgħa tal-kumitat tal-klabb ilbieraħ. Delia ħa din id-deċiżjoni wara li fl-aħħar jiem ħabbar li se jieħu rwol attiv fil-politika. Ir-riżenja tiegħu kienet aċċettata mill-kumitat, li aktar tard din il-ġimgħa se jkun qed jaħtar President ġdid.

Fl-istqarrija, il-kumitat ta’ Birkirkara rringrazzja lil Adrian Delia għad-dedikazzjoni u s-servizz tiegħu filwaqt li jifhem li d-deċiżjoni ttieħdet fl-interess tal-klabb. Il-kumitat ta’ Birkirkara qal li m’għandux dubju li Adrian Delia se jibqa’ leali lejn il-klabb u awgurawlu suċċess għal futur.

Adrian Delia kien ġie elett bħala Viċi President ta’ Birkirkara f’Ġunju tal-2011 u serva bħala President fl-aħħar żewġ staġuni fejn fosthom jibqgħu jispikkaw ir-rebħa ta’ Birkirkara fuq West Ham kif ukoll il-kwalifikazzjoni għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League l-istaġun li għadda.