Lokali Parlament

Bidliet aggressivi fl-Air Malta, trid terġa’ tinbena mill-ġdid – Konrad Mizzi

Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi ddikjara fil-parlament li l-pjani tal-Gvern għall-Air Malta huma aggressivi li għandhom iġibu bidliet għaliex il-kumpanija trid terġa’ tinbena mill-ġdid.

Meta kien qed jitkellem dwar is-settur tat-turiżmu, il-Ministru Mizzi qal li l-Air Malta hi strateġika għall-kummerċ u għall-popolazzjoni u għall-Gvern. Hawn spazju għall-Air Malta li topera lejn l-Ewropa u l-Afrika.

Irid ikun assigurat li topera b’tijtiriet skedati. Hemm kburija dwar l-Air Malta iżda l-Air Malta kienet qed titlef il-flus għal 10 snin. Ir-realtà hi li l-Air Malta qed topera b’seba’ ajruplani u bilfors irid ikollha mudell ta’ riformi aggressiv. Hu qal li hu fiduċjuż li jista jintlaħaq.

Hemm bżonn bidla…li ma nagħmlu xejn mhux soluzzjoni, sostna l-Ministru Konrad Mizzi, li kompla li l-Air Malta għandha rwol improtanti.

Il-Ministru qal li l-Air Malta trid terġa’ tinbena u fix-xhur li ġejjin se jsiru r-riformi meħtieġa. Il-bidliet se jkunu aggressivi bl-ewwel informazzjoni tingħata lill-ħaddiema u lill-Oppożizzjoni. Jekk jikber in-numru ta’ rotot, il-futur hu sabiħ u għalhekk il-flotta trid tikber bilfors. Ma’ kull ajruplan hemmm possibbilta ta’ dħul ta’ €20 miljun.

Bħalissa qed jiġi żviluppat pjan aggressiv fuq l-aspett kummerjali. Se jkun hemm diskussjoni jekk ċertu funzjonijiet għandhomx jiċċaqilqu mill-Air Malta. Il-Gvern se jkun ġust mal-impjegati kollha iżda kulħadd irid jifhem il-ħtieġa tal-bidla.
Il-Ministru Mizzi qal li wara li jsiru dawn il-bidliet jibdew diskussjonijiet ma’ sieħeb strateġiku bl-impenn li dan ikun jaqbel li jridu jiżdiedu r-rotot.

Id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-gvern ma daħħalx ħaddiem tal-post fl-Air Malta qabel l-elezzjoni iżda daħlu nies temporanji part-time f’linja mal-flessibbilta li trid tilħaq il-kumpanija.

Kien hemm ħaddiema part-time li saru indefinite part-time bħal ħaddiema oħra tal-Gvern. L-istatus-quo mhux għażla għall-Air Malta u s-settur se jkun iffaċċjat b’serenità. Hu qal li seta’ kien iktar konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni għalkemm kien hemm proposti li ma setgħux ikunu ikkunsidrati.

Id-dejn minn €31 miljun niżel għal €4 miljuni fl-2016. Edward Zammit Lewis appella biex kulħadd jingħaqad flimkien u qal li l-skemi ta’ irtirar volontarju huma mportanti u jridu jkunu approvati mill-Kummissjoni Ewropea.