“Ejja nlestu dak li bdejna. B’lealtà lejn il-partit u lejn il-pajjiż”.
Kien b’dan il-mod li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali Straordinarju li matulu kienu approvati r-regoli għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
“L-appell huwa dan. Ejja nkomplu dak li bdejna. Ejja nlestu dak li bdejna bil-lealtà tagħna lejn il-Partit u l-lealtà lejn il-pajjiż” tenna dan il-Kap tal-PN.
Simon Busuttil għaqqad dan il-messaġġ mal-appell favur l-onestà fil-politika, prinċipju li għandu jagħmel kburi lil kull min poġġa l-fiduċja tiegħu fil-Partit Nazzjonalista. Timbru li għandna nkunu kburin bih u li l-Kunsill Ġenerali u l-Konvenzjoni Ġenerali għandhom ifittxu fil-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li l-ġustizzja u l-onestà għandhom ikunu l-għan fil-politika, fejn il-libertà li partijiet differenti fil-Partit jiddiskutu għandha sservi biex tgħaqqad u mhux biex tifred.
Meta kien qed jitkellem dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit, Simon Busuttil innota li l-finanzi tal-Partit jinsabu fis-sod, tant li għall-elezzjoni ġenerali ma nħoloqx ewro wieħed dejn. Qal ukoll li minn wara l-elezzjoni, irreġistraw 500 voluntier u ttesseraw mal-1,000 persuna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fit-tul dwar il-proċess għall-ħatra tal-Kap, li se ssir fis-16 ta’ Settembru li ġej, bil-Kap il-ġdid ikun elett fiż-żmien għall-festi tal-Indipendenza. Wara jkunu eletti l-Viċi-Kapijiet kif ukoll l-uffiċjali l-oħra.
//= $special ?>