Ambjent Lokali

FILMAT: Jintrema ammont kbir ta’ “żejt” fil-baħar f’Ricasoli; l-ERA waqqfet il-ħruġ taż-żejt

Qarrej ta’ netnews.com.mt ilbieraħ waqt li mar mixja mal-baħar fiż-żona ta’ Ricasoli fil-Kalkara sab pajp li minnu kien ħiereġ kwantita’ kbira ta’ żejt li kien qed jintrema dirett fil-baħar.

Kif jidher f’dan il-filmat ta’ Keith Calleja, li għaddilna dan il-filmat, iż-żejt jidher ħiereġ bi pressa qawwija u jħammeġ il-baħar tal-kosta Maltija.

Iż-żona fejn instab dan il-pajp tinsab indikata f’dan ir-ritratt (hawn taħt). Il-filmat ittieħed ilbieraħ fl-4p.m.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Net News, l-ERA qalet li qed tinvestiga dan il-każ u waqqfet immedjatament il-ħruġ taż-żejt.

L-ERA qalet li wara li xxandar dan il-filmat, l-ERA wettqet spezzjoni fit-Tank Cleaning Facility ta’ Ricasoli u kkonfermat li kien ħiereġ likwidu iswed.

L-ERA ordnat biex jitwaqqfu l-attivitajiet kollha b’effett immedjat. Sostniet li aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.