Lokali Qorti

Id-diretturi ta’ More Supermarkets ikkundannati jħallsu €250,625 lil kreditur ewlieni

Id-diretturi tal-kumpannija li kienet tmexxi s-supermarkets More – Ryan Schembri (li jinsab maħrub minn Malta) missieru Mario Schembri u Darren Casha – kienu kkundannati jħallsu €250,625 minbarra imgħax u spejjeż lil Alf Mizzi & Sons (Marketing) Ltd. Dan bħala ammont dovut għal merkanzija mhux imħallsa u li kienet fornuta bejn Lulju u Ottubru tal-2014.

Dan kien deċiż mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’sentenza mogħtija ilbieraħ mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon.

Oriġinarjament, is-somma mitluba meta nfetħet il-kawża kienet ta’ €350,625 iżda din tnaqqset b’€100,000 wara li diretturi oħrajn laħqu ftehim mal-kumpanija Alf Mizzi u ħallsu parti mill-bilanċ dovut.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Zammit McKeon ma laqax l-eċċezzjonijiet ta’ Mario Schembri u Darren Casha li sostnew li kienu mqarrqa u ma kienux jafu li kellhom jagħmlu tajjeb personalment għad-djun tal-kumpanija More Supermarkets (Ħamrun) Ltd. Schembri waħdu kien xehed ukoll li ma kienx jaf li hu kien direttur tal-istess kumpanija.  “F`ghajnejn il-Qorti, fil-kaz tal-lum, ix-xilja ta` qerq hija biss skuza tal-konvenuti biex jittentaw jaharbu milli jwettqu r-rabtiet li daħlu għalihom,” tenna l-Imħallef Zammit McKeon.

Ryan Schembri (ritratt) ilu maħrub minn Malta sa minn Settembru 2014 wara li akkumula djun li jlaħħqu miljuni kbar ta’ ewro.

F’Lulju tas-sena li għaddiet, Darren Casha kien ippreżenta protest ġudizzjarju kontra Ryan Schembri fejn allega li hu dovut €10 miljun minn Ryan Schembri li skont Casha, dan kien ingannah b’mod frawdolenti biex jinvesti fis-supermarkets More. Hu kien sostna li l-accounts li kienu ppreżentati lilu “kienu żbaljati u ferm ‘il bogħod mir-realta.'”