Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet: Il-Portugall u ċ-Ċili jissieltu għal post fil-finali

Il-plejers Portugiżi waqt it-taħriġ bi preparazzjoni għal konfront tal-lum (Ritratt: EPA)

Illum tintlagħab l-ewwel semifinali bejn iċ-Champions Ewropej il-Portugall u ċ-Champions tal-Amerika ta’ Isfel iċ-Ċili, żewġ timijiet li għandhom kwalità simili għal xulxin, iżda l-forma reċenti tista’ tpoġġi lill-Portugall bħala favoriti li jgħaddu għall-finali.

Iċ-Champions Ewropej għaddew għas-semifinali b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 fuq in-New Zealand u spiċċaw l-ewwel b’differenza ta’ gowls aħjar mill-Messiku. L-akbar saħħa tal-Portugall hi l-attakk bi plejers bħal Andrè Silva, Ricardo Quaresma u Nani flimkien mal-istilla tat-tim Cristiano Ronaldo.

Iżda minkejja l-kwalità ta’ Ronaldo, is-seba’ gowls li skorjaw il-Portugall waslu minn ħames plejers differenti u dak hu sinjal pożittiv għal kowċ Fernando Santos. Ir-rebħa kontra n-New Zealand kabbret is-sensiela ta’ ħames logħbiet mingħajr telfa, filwaqt li tilfu logħba biss mill-aħħar għaxra.

Iċ-Ċili kienu favoriti li jirbħu Grupp B minħabba d-diversi plejers nieqsa tal-Ġermanja, iżda temmew it-tieni, b’rebħa minn tliet logħbiet. Il-maġġoranza tal-problemi taċ-Ċili hi fil-fażi offensiva, fejn minkejja li joħolqu ħafna, ma jirnexxielhomx jiskorjaw l-okkażjonijiet tagħhom. Inkwiet għal kowċ Pizzi hu wkoll il-kundizzjoni fiżika ta’ plejers bħal Alexis Sanchez u Arturo Vidal.