Lokali

Illejla jiġu approvati r-regoli dwar l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN

(Arkivji)

Illejla jiġu approvati r-regoli dwar l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, f’Kunsill Ġenerali li qed jissejjaħ għal dan il-għan. Il-Kunsill Ġenerali mistenni jibda għall-ħabta tas-7pm, u se jkun indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, ir-regoli diġa ġew maqbula fil-Kumitat Eżekuttiv, madanakollu issa jridu jgħaddu quddiem il-Kunsill Ġenerali għall-approvazzjoni.

It-tibdil li kien sar fil-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 ifisser li din id-darba, se jkunu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista li jagħżlu l-Kap il-ġdid wara li l-Kunsill Ġenerali jnaqqas l-ammont ta’ kandidati għal tnejn.

Filfatt, fl-ewwel weekend ta’ Settembru għandu jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jivvota għal żewġ kandidati. Dawn iż-żewġ kandidati imbagħad imorru quddiem il-Konvenzjoni Ġenerali (magħmula mit-tesserati kollha) nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru.

Bit-tibdil fl-istatut, anke l-karigi ta’ Viċi-Kap tal-Partit għall-Affarijiet Parlamentari u l-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit għandhom jiġu eletti mill-Konvenzjoni Ġenerali, jiġifieri mit-tesserati li jkunu ilhom tal-anqas sentejn ittesserati mal-Partit Nazzjonalista.

Apparti l-elezzjoni għall-Kap u Viċi-Kapijiet, mistenni jkun hemm ukoll proċess ta’ elezzjoni biex jimtlew il-karigi l-oħra amministrattivi, fosthom il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, il-kariga ta’ President tal-Kumitat Eżekuttiv, u l-kariga ta’ President tal-Kumitat Amministrattiv.